Tas-Sliema l-iżjed lokalità li tirriċikla, x-Xagħjra l-inqas

Il-borża l-griża tammonta għal biss 7.23 fil-mija tal-iskart mormi mid-djar wara biebhom.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru  għall-Ambjent Leo Brincat fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Charles Buhagiar u li tirrigwarda l-perijodu mill-2010 sa Ottubru 2015
L-iskart mormi fil-borża l-griża fid-diversi lokalitajiet fil-gżejjer Maltin jammonta għal 61,947.26 tunnellata, meta mqabbla mal-793,836.31 tunnellata mormija fil-borża s-sewda.
Bħala medja, Għawdex jegħleb lill-Malta b’1.3 punti perċentwali hekk kif madwar l-iskart mormi biex jiġi riċiklat fil-gżira tat-tlett għoljiet jlaħħaq il-8.1% meta mqabbel ma’ 6.8% f’Malta.
Tas-Sliema hi l-iktar lokalità li tirriċikla f’Malta b’12.75%. Din il-lokalità kienet segwita minn Ta’ Xbiex u Ħal Balzan b’11.98% u 10.48% rispettivament.
Għall-kuntrarju, ix-Xagħra hi l-inqas lokalità li tirriċikla hekk kif il-borża l-griża tlaħħaq biss 1.29% tat-total mormi. Din hi segwita mill-Mtarfa b’1.99% u l-Belt Valletta b’2.03%.