​”Tarmux l-ikel, agħtuh” – KNŻ lir-ristoranti

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) qed jipproponi li ristoranti u bejjiegħa oħra tal-ikel għandhom joffru l-ikel żejjed tagħhom bħala donazzjoni lil dawk l-għaqdiet li jitimgħu lil dawk il-persuni inqas ixxurtjati.
Fi stqarrija, il-KNŻ qal li minflok ma jintrema l-ikel li jkun qed joqrob lejn id-data li fih jiskadi, dan għandu jingħata bħala donazzjoni. Spjegaw kif is-sena l-oħra, Franza addottat liġi li tipprojbixxi rimi ta’ ikel li ma jkunx skadut.
Skont il-KNŻ, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli kien diġà ressaq dan is-suġġeriment, iżda sfortunatement s’issa l’ebda Membru Parlamentari għażel li jippreżenta din il-proposta fil-Parlament.
Il-Kunsill issuġġerixxa li l-istabbilimenti li jservu l-ikel għandhom imexxu bl-eżempju u jkunu proattivi, saħansitra qabel ma tiġi fis-seħħ din il-liġi
Skont l-Aġenzija tal-iStandards tal-Ikel tar-Renju Unit, ikel mgħandux jittiekel jekk ikun qabeż il-use by date tiegħu.
Però, l-Aġenzija tgħid li wieħed jista’ jiekol ikel li sempliċiment ikun qabeż il-best before date tiegħu peress li din id-data titratta dwar il-kwalità tal-ikel u mhux is-sigurtà tiegħu.