Tariffi ġodda fil-parkeġġ ta’ Mater Dei

Tariffi ġodda daħlu fis-seħħ għall-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei għal dawk kollha li jżuru l-pazjenti rikoverati fl-isptar.

It-tariffi li daħlu fis-seħħ ilbieraħ tħabbru mill-Ministeru għas-Saħħa li spjega li r-roħs iwassal sa 60 ċenteżmu, skont kemm wieħed idum ipparkjat.

Fl-istqarrija ġie spjegat li għall-ewwel nofs siegħa ta’ pparkjar mhu se jkun hemm l-ebda ħlas kif kien qabel. L-ewwel siegħa ġiet tiswa 70 ċenteżmu, sagħtejn ta’ pparkjar jiswew €1.40. Il-ħlas tal-parkeġġ għall-ewwel tliet sigħat huwa ta’ €2.10. Erba’ sigħat ta’ parkeġġ jiswew €2.80. Jekk wieħed idum aktar minn erba’ sigħat €3.50.

Dan wara kuntratt ġdid li se jitfa’ r-responsabbiltà tat-tmexxija u l-manutenzjoni tal-parkeġġ u l-apparat kollu konċernat fuq kuntrattur. Fl-istqarrija ntqal ukoll li għall-ewwel darba l-Gvern mhux se jkun qed joħroġ flus, iżda se jkun qed idaħħal il-flus.

Fl-aħħar ġimgħat qamu numru ta’ diżgwidi minħabba dan l-operat tal-parkeġġ hekk kif il-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei bdew jintalbu jħallsu sabiex jagħmlu użu mill-parkeġġ waqt li jkunu fuq xogħol.

Bħalissa għadhom għaddejja taħditiet bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union sabiex tinstab soluzzjoni tajba għal dawk kollha kkonċernati.