Tard wisq għall-Alġerija u l-Ġermanja fil-kwarti tal-finali

Se tkun logħba bejn żewġ timijiet Ewropej, wara li Franza eliminaw lin-Niġerja, u l-Ġermanja lill-Alġerija.
L-Alġerija bħalma għamlu n-Niġerja ma’ Franza, taw battikata lill-Ġermaniżi tant li l-logħba kellha tmur fil-ħin barrani.
Iż-żewġ timijiet tħabtu mhux ftit, b’mod speċjali l-gowlkiper Alġerin Rais M’Bohli li ġie ppremjat bħala l-aqwa plejer tal-logħba.
Wara 90 minuta logħob, iż-żewġ lasti baqgħu bla mittiefsa u ż-żewġ timijiet kellhom ikomplu jitħabtu wkoll fil-ħin barrani.
Wara 90 sekonda mill-bidu tal-ħin barrani, l-Ġermanja fetħu l-iskor permezz ta’ André Schürrle.
Fl-aħħar minuta tal-ħin barrani Mesut Özil irdoppja l-iskor u b’hekk deher ċar li kienu se jkunu l-Ġermanja li se jilagħbu fil-kwarti tal-finali.
Fl-ewwel minuta taż-żewġ minuti addizjonali mogħtija mir-referì, Abdelmoumene Djabou skurja l-uniku gowl Alġerin.
Gowl li wasal tard wisq biex ibiddel is-sitwazzjoni.