Read in English.
Tarbija u omm qegħdin jieħdu l-kura għall-Covid-19 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għal Steward Health Care, il-kumpanija li tamministra dan l-isptar.
Ġie spjegat li l-omm u t-tarbija ddaħħlu l-isptar tul il-lejl li għadda wara li ttestjaw pożittiv għall-Covid-19. Il-kelliem qal li, “Dan sar kif indikat mill-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika u f’konformità mal-protokoll tal-istess Saħħa Pubblika fejn f’każi bħal dawn it-tarbija trid tiddaħħal l-isptar għal osservazzjoni.”
Steward Health Care enfasizzat li dawn il-pazjenti ħadu l-Covid-19 mill-komunità, u mhux mill-isptar.
Il-kundizzjoni tal-omm u tat-tarbija hija waħda stabbli.
Ix-xahar li għadda, Dr Tanya Melillo kienet qalet li tarbija twieldet bil-Covid-19 f’Malta għax ommha kienet pożittiva għall-virus meta wellditha.
Illum tħabbru 117-il każ ġdid tal-virus, biex issa f’Malta hawn 2,172 każ attiv.