Tarbija tmut wara li sfat attakkata minn kelb

Tarbija ta’ sena u erba’ xhur mietet wara li ġiet attakkata minn kelb.

Skont il-Pulizija  it-tifla ingidmet minn kelb tar-razza German Wirehaired Pointer f’residenza f’Neerim Junction, 120km bogħod minn Melbourne, fl-Awstralja.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija u ambulanza biex jagħtu l-assistenza, madanakollu kien tard wisq biex ħajjet it-tifla tkun salvata.

Skont il-midja Awstraljana l-kelb gidem lit-tifla fuq wiċċha. Omm it-tifla pruvat tintervjeni biex issalva lill-bintha u fil-proċess ġarrbet ġriehi f’idha u f’sieqha. Hekk kif ferqet lill-kelb minn ma’ bintha pruvat tagħti s-CPR liċ-ċkejkna, madanakollu t-tifla sofriet ġrieħi gravi ħafna.

Il-kelb ġie konfiskat mill-awtoritajiet.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li fil-ħin tal-attakk l-omm u t-tifla kienu weħidhom fil-kċina hekk kif il-missier kien għadu kemm ħareġ ftit tal-ħin qabel, filwaqt li ż-żewgt itfal oħra ta’ 9 u 13-il sena kienu f’kamrithom.

L-investigazzjoni għadha għaddejja hekk kif il-Pulizija qed tipprova tifhem għalfejn il-kelb attakka lit-tarbija.