Tarbija titwieled b’nofs qalb salvata bil-qalb ta’ tarbija oħra

Tarbija ċkejkna fir-Renju Unit għadha kemm ġiet mogħtija l-isbaħ rigal tal-Milied minn tarbija oħra: ċans ġdid għall-ħajja.
Wara 20 ġimgħa biss fit-tqala tagħha, omm Charlie Douthwaite saret taf li t-tarbija tagħha qed issofri minn kundizzjoni rari tal-qalb li ma tħallix in-naħa xellugija tal-organu tiżviluppa.
Minħabba din il-kundizzjoni, iċ-ċkejken Charlie kellu jgħaddi minn operazzjoni kiefra, tlett ijiem biss mit-twelid tiegħu.
Minkejja dan, saħħet iċ-ċkejken baqgħet sejra għall-agħar, tant li kellu bżonn 11-il operazzjoni oħra. Għalhekk it-tobba ddeċidew li jtuh qalb ġdida. B’xorti tajba, iċ-ċkejken Charlie rnexxielu jsib donatur f’temp ta’ ftit ġimgħat.
Il-ġenituri ta’ Charlie rringrazzjaw lill-familja tat-tarbija l-oħra tal-ġest nobbli li se jagħti ħajja ġdida lil binhom. Spjegaw li waqt mument qawwi ta’ niket, il-familja l-oħra xorta kienet qed taħseb dwar kif se tgħin lill-proxxmu.
Il-ġenituri ddeskrivew lit-tifel tagħhom bħala eroj peress li dejjem baqa’ jiġġieled għall-ħajtu.