Tarbija tintlaqat min-nar fil-festa tax-Xewkija

Xewkija.net

Read in English.

Nar li kien qed jieħu f’għalqa waqt il-festa tax-Xewkija f’Għawdex weġġa’ 4 persuni, fosthom tarbija ta’ sena u 4 xhur. Dan l-inċident seħħ il-Ħamis li għadda għall-ħabta tal-11pm fi Triq San Bert fix-Xewkija.

Skont is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt, għal xi raġuni n-nar tar fid-direzzjoni tan-nies, u laqat il-pushchair tat-tarbija, u lil żewġ irġiel u tifla oħra viċin tiegħu. Is-sorsi qalu wkoll li kif in-nar beda jieħu mal-pushchair inqala’ paniku fost dawk preżenti.

Fil-pront issejjħet ambulanza fuq il-post li ħadet lill-milquta l-isptar minnufih, kif ukoll lil omm it-tarbija li kienet għadha bil-qatgħa. Jidher li l-ebda mill-persuni ma sofrew minn ġrieħi gravi.

Infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Paul Coppini, b’numru ta’ esperti fil-qasam tal-piroteknika biex jiddeterminaw x’kien li wassal għall-inċident.