Tarbija tat-twelid abbandunata f’Londra qalb kesħa tremenda

Tarbija tat-twelid instabet abbandunata fil-Lvant ta’ Londra f’park qalb temperaturi baxxi u kesħa tremenda li ħakmet lill-pajjiż.

It-tifla nstabet fi Newham il-Ħamis filgħaxija u ttieħdet mill-ewwel l-isptar skont il-Pulizija Metropolitana. Minkejja li t-temperatura niżlet għal grad celcius u l-borra nieżla ġmielha, hi nstabet ħajja. It-tifla qed tingħata l-kura meħtieġa fi sptar fil-Lvant ta’ Londra u jidher li l-kundizzjoni tagħha hija stabbli.

Il-Pulizija qed jinkwetaw għas-saħħa ta’ omm it-tarbija li jaf għandha bżonn medikazzjoni urġenti u qed jitolbuha sabiex tagħmel kuntatt immedjat mal-Pulizija jew inkella s-servizz tal-ambulanzi f’Londra.

L-Ispettur Shane Clarke appella direttament lill-omm u qalilha li huwa ta’ importanza kbira li jkunu jafu li hi tinsab sigura. Appella wkoll għal kull min għandu aktar informazzjoni sabiex imur biha għand il-Pulizija.

Borra u silġ jiksu t-toroq tal-Ingilterra

Intant, il-BBC rrapporta kif ħareġ avviż sabiex dawk kollha li se jsuqu jaraw li r-rotta li jużaw is-soltu mhix affettwata mill-borra u s-silġ. Aktar minn 400 skola ġew magħluqa f’Wales, filwaqt li t-trasport pubbliku jidher li mhux se jaħdem b’mod regolari sa wara nofsinhar.