Tarbija ta’ sena tibqa’ ma tinstabx wara li għebet minn Malta

Tifel Malti ta’ sena baqa’ ma nstabx minn meta sar ir-rapport dwar l-għajbien tiegħu fis-26 ta’ Jannar li għadda.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt, li l-każ tat-tifel Malti mhux eżattament wieħed ta’ ħtif, iżda “aktar jidher li kien wieħed fejn l-omm, mis-Senegal, telqet minn Malta bil-minuri u għadha ma ġietx lokalizzata”.
Il-Pulizija sostniet li ladarba taf li din l-omm telqet minn Malta volontarjament, ma ntlabitx l-għajnuna tal-midja lokali sabiex tassisti fit-tfittix tal-omm u l-iben. Għaldaqstant ikkonfermat li ntalbet l-assistenza tal-Pulizija madwar l-Ewropa.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija stqarr li l-każ jibqa’ miftuħ sakemm il-Pulizija jserrħu rashom li l-omm u l-wild jinsabu b’saħħithom u jkunu għamlu kuntatt magħhom permezz tal-Pulizija tal-pajjiż li jinsabu fih.
F'Jannar li għadda l-Pulizija kienet qed tinvestiga ukoll l-allegat ħtif ta' tifel ta' tliet snin u nofs fil-21 ta’ Diċembru li għadda.
Kemm jgħibu jew jinħatfu tfal minn Malta?
Bejn l-2008 u l-2018, ġew irrappurtati lill-Pulizija f’Malta 117-il każ ta’ ħtif jew għajbien ta’ tfal taħt it-18-il sena.
L-età medja tat-tfal li nħatfu minn Malta hija dik ta’ 16-il sena. Il-maġġoranza tagħhom għandhom ‘il fuq minn 10 snin.
Minkejja li forsi jidher numru żgħir, kien hemm b’kollox ħamest itfal li nħatfu meta kellhom inqas minn 10 snin, bi tlieta minnhom jaqgħu taħt il-ħames snin.
Propju 103 mit-tfal huma subien. 14 huma bniet.
L-istatistika tal-Pulizija turi wkoll kif f’erba’ każijiet partikolari, it-tfal għebu flimkien ma’ ommhom, liema każijiet jinkludu dak Malti.
Fl-2014, tifla ta’ 9 snin mill-Pakistan kienet irrappurtata nieqsa flimkien ma’ ommha, Niġerjan ta’ 4 snin u ommu ġew irrappurtati neqsin fl-2015, filwaqt li fl-2017 tifla ta’ 10 snin mit-Turkija għebet flimkien ma’ ommha.
70.9% tal-ħtif kien ta’ tfal ġejjin minn pajjiżi fl-Afrika
In-nazzjonalitajiet tat-tfal huma fil-maġġorparti mill-Afrika, propju 70.9%. Madanakollu, l-istatistika tal-Pulizija turi li ma ġietx identifikata n-nazzjonalità ta’ 23.9% tat-tfal. Każijiet ta’ ħtif ta’ tfal minn Malta li ġejjin minn pajjiżi Ewropej u Asjatiċi huma ta’ 1.7% kull kontinent.
L-aktar sena li fiha nħatfu tfal kienet propju l-2013, fejn inħatfu 45 tifel u tifla. L-2014 issegwi b’total ta’ 35 ħtif.
Skont statistika tal-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR), fl-2013, total ta’ 2,008 immigrant irregolari waslu Malta wara li ġew salvati fuq il-baħar. Propju 975, kważi nofs l-immigranti kienu kollha ġejjin mis-Somalja, liema fattur jista’ jikkontribwixxi għar-raġuni wara ’l fatt li propju 43 tifel u tifla mill-45 li nħatfu fis-sena 2013 kienu wkoll mis-Somalja.