Tarbija ta’ ġimagħtejn tinstab f’kaxxa tal-kartun

Tarbija ġimagħtejn kaxxa Asia abbandunata

Tarbija li għandha biss ġimgħatejn instabet abbandunata f’ġenb ta’ triq f’kaxxa tal-kartun u mgeżwra fil-kutri. Magħha kellha flixkun ħalib.

It-tifla li kellha biss 16-il ġurnata nstabet minn persuna li kienet għaddejja fit-triq fiċ-Ċina, u wara li nstema’ l-biki tagħha. Meta ħarġu lit-tarbija mill-kaxxa sabu nota taħtha li kienet tgħid li t-tarbija twieldet fl-4 ta’ Awwissu.

Ir-residenti talbu lill-Pulizija sabiex jiġu għat-tifla sakemm tittieħed l-isptar għat-trattament. It-tobba li ħadu ħsieb lit-tarbija fl-isptar qalu li hija f’saħħitha, li m’għandiex mard u lanqas difetti fit-twelid.

Jidher li bosta persuni qed imorru l-isptar fin-nofsinhar taċ-Ċina jitlobu sabiex jaddottaw lit-tarbija. Madanakollu t-tifla se tibqa’ għand l-awtoritajiet sakemm tkompli t-tfittxija għall-omm jew il-ġenituri. Jekk jinstabu l-ġenituri jistgħu jeħlu sa’ massimu ta’ tliet snin ħabs.