Tarbija ta’ 8 xhur l-ITU; infezzjoni fid-demm

Ilbierah ittieħdet tarbija ta’ tmien xhur fl-Isptar Mater Dei u qiegħda fil-kura intensiva minħabba mikrobu magħruf bħala settiċemija. Hi tinsab f’kundizzjoni kritika. Dan qalu Dr Walter Busuttil il-Clinical Chair tal-Isptar Mater Dei.

Newsbook.com.mt attenda għal briefing mal-Ministeru tas-Saħħa fejn ġie spjegat li dan mhuwiex każ tal-meninġite, iżda huwa ta’ mikrobu differenti. Is-settiċemija hija infezzjoni fid-demm ta’ persuna, jew inkella vvelenar tad-demm.

Bħalissa m’hawn l-ebda epidemija – tabib

It-tabib Walter Busuttil li jaħdem bħala clinical chair fl-Isptar Mater Dei sostna li bħalissa m’hawnx mard epidemiku la fl-isptar u lanqas fil-kommunità.

Waqt briefing mill-Ministeru għas-Saħħa li għalih kien preżenti Newsbook.com.mt, ġie spjegat li l-istaff tal-isptar huwa komdu bis-sitwazzjoni preżenti, għaliex qed jaħdmu b’mod effiċjenti sabiex isir dak kollu li għandu jsir għall-protezzjoni tal-pazjenti.

Minħabba li riċentament ġew irrappurtati żewġ każijiet ta’ meninġite, Dr Busuttil xtaq jikkjarifika li t-tielet każ mhuwiex tal-meninġite. Sostna li t-tarbija ta’ tmien xhur li bħalissa tinsab għall-kura intensiva ġiet attakkata minn mikrobu differenti miż-żewġ każi ta’ meninġite li ssemmew riċentament. It-tliet itfal li ddaħlu l-isptar kollha kellhom mikrobi differenti, li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Insista li kienet biss kumbinazzjoni li ddaħħlu l-isptar fl-istess perjodu. Irrimarka li kull sena jkun hemm każijiet simili, iżda din is-sena, il-każijiet kienu aktar viċin ta’ xulxin mis-soltu.

Filmat: Tifel Malti jmut bil-meninġite; “tallarmawx ruħkom”

Ġie spjegat li l-meningite jiġi kkaġunat minn diversi baktirja u mhux kull każ huwa mill-istess baktirja. Intqal ukoll li l-Gvern jipprovdi tilqima għal ftit mill-baktirja b’xejn, iżda din ma tolqotx il-baktirja kollha. Intant it-tilqim l-oħra huma disponibbli biex jinxtraw. Il-Gvern jipprovdi t-tilqima ta’ tip wieħed b’xejn. Bħalissa l-Gvern qiegħed fil-proċess biex iktar tard din is-sena, jiżdiedu tilqim ta’ kwalità oħra.

Filmat: “Possibilità kbira li min ħa t-titqiba qatt ma jimrad bil-meninġite”