Tarbija li ġiet abbużata fiżikament tista’ ssoffri minn nuqqas ta’ żvilupp

Tinsab għaddejja l-kumpilazzjoni tal-provi kontra raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar, li jinsab mixli li pprova joqtol u abbuża fiżikament mit-tifla ta’ 11-il xahar.
Fil-Qorti ntqal li skont il-Pedjatriku, it-tarbija tista ssoffri minn nuqqas ta’ żvilupp li jista’ jlaħħaq sad-90%, minħabba l-abbuż.
L-Ispettur fix-xhieda tagħha qalet li t-tarbija kellha l-ksur f’rasha u demm li akkumula madwar moħħha dakinhar li seħħ il-każ fit-12 ta’ Settembru li għadda.
Intqal li dakinhar ir-raġel beda jheżżeż lit-tarbija u sabbatha fuq is-sodda tagħha.
Dan wassal biex it-tifla kellha tgħaddi minn operazzjoni minħabba l-ksur li kellha f’rasha.
Mal-Pulizija r-raġel kien stqarr li kienet l-omm li weġġgħat lit-tarbija iżda biddel il-verżjoni u qal li kien il-festa fejn abbuża mid-droga u l-alkoħol.
Meta daħal id-dar fil-5 ta’ filgħodu sema’ t-tarbija tibki u abbużaha fiżikament.
Ir-raġel huwa is-sieħeb ta’ omm it-tarbija, li għandha tlett itfal mingħand irġiel oħra.
L-omm, li hija Rumena imma residenti f’Malta hija akkużata b’negliġenza lejn uliedha.