94 immigrant salvati mill-AFM; se jiddaħħlu Malta

Read in English.

94 immigrant li qed ifittxu l-ażil se jkunu qed jiddaħħlu Malta llejla wara li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM). Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-AFM. Hi spjegat li dawn se jkunu qed jiddaħħlu Malta għall-ħabta tas-7pm minn Boilerwharf fl-Isla.

Il-grupp ta’ immigranti jidher li huma dawk li tkellmet dwarhom l-NGO Alarm Phone fl-aħħar jiem. Huma kien ilhom aktar minn 33 siegħa fuq il-baħar.

Intant fi Tweet riċenti, Alarm Phone qalet li skont diversi sorsi tagħha, l-immigranti kienu salvati mill-AFM. Minkejja dan ikkundannat l-ittardjar tas-salvataġġ ta’ dawn il-persuni minn Malta.

Aktar kmieni…

Tarbija tinsab f’riskju li tmut jekk ma tkunx salvata. Dan hekk kif 95 immigrant jinsabu f’riskju li jgħerqu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. F’sensiela ta’ Tweets, l-NGO Alarm Phone tat dettalji dwar dak li ilhom għaddejjin minnu dawn l-immigranti, fosthom in-nuqqas ta’ ilma u li hemm tifel fil-periklu li jmut minn ħin għall-ieħor.

L-aħħar tweet kienet ippubblikata madwar erba’ sigħat ilu. Kien spjegat li l-immigranti ilhom aktar minn 33 siegħa bejn sema u ilma u ma jidher li hemm l-ebda tip ta’ salvataġġ fil-qrib. Kien spjegat ukoll li hemm bastiment tal-merkanzija li qed isegwi s-sitwazzjoni iżda ma kienx qed jipprovdi assistenza.

Fi Tweet tal-bieraħ filgħaxija kien spjegat li l-persuni abbord sostnew li d-dgħajsa ma kinitx se ddum ma titlef l-istabbiltà tagħha. Il-persuni li qed ifittxu l-ażil staqsew jekk il-bastiment tal-merkanzija kienx se joqgħod iħares lejhom biex jarawhom jgħerqu.

Huma spjegaw ukoll li għandhom ħafna għatx u ilhom mingħajr ilma mis-Sibt. Sostnew għandhom bżonn l-ilma għat-tarbija li għadha tat-twelid għax jinsab f’riskju li jmut.

Propju lbieraħ, Alarm Phone qalet li persuna diġà tilfet ħajjitha fost il-grupp ta’ 95 li jinsabu f’riskju li jegħrqu fiż-żona tas-salvataġġ Maltija. Qalet li dawn il-persuni għamlu kuntatt magħhom wara li l-magna tad-dgħajsa li jinsabu fuqha mhux taħdem u d-dgħajsa qiegħda timtela bl-ilma. L-għaqda qalel li s-sitwazzjoni fuq id-dgħajsa hija waħda kritika u żiedet li l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani jinsabu infurmati dwar dan iżda mhux iwieġbu.