Tarbija fost 4 li ddaħħlu l-isptar; ħabta bejn 2 karozzi

Tarbija ta’ ftit xhur hija fost erba’ persuni li ddaħħlu l-isptar illejla wara ħabta f’San Pawl il-Baħar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.45pm fi Triq l-Erba’ Mwieżeb.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-karozzi kienu misjuqa minn raġel ta’ 27 sena mill-Ġordan u jgħix in-Naxxar, u minn raġel ta’ 24 sena minn San Pawl il-Baħar.

Passiġġieri fl-ewwel karozza kien hemm tarbija ta’ ftit xhur, mara ta’ 25 sena mill-Palestina li tgħix f’San Ġwann u tifla ta’ 15-il sena wkoll mill-Palestina.

Ix-xufier mill-Ġordan u t-tlett passiġġieri ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huma kollha sofrew ġrieħi ħfief jew inkella xejn.