“Tarbija fil-ġuf mhix persuna għad-Dipartiment tas-Saħħa”; il-Gvern jiċħad

Filwaqt li investigazzjoni mill-Kummissarju għas-Saħħa wasslet għall-konklużjoni li d-Dipartiment tas-Saħħa isostni li t-tarbija fil-ġuf mhux meqjusa bħala persuna f’għajnejn il-liġi, il-Gvern ċaħad li għandu xi tip ta’ policy li tiffavorixxi l-abort. Dan minkejja li wara rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju dwar każ speċifiku, id-Dipartiment wieġeb jgħid li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma ntlaqgħetx għax it-tarbija fil-ġuf bil-liġi mhix rikonoxxuta bħala persuna.

Il-każ partikolari li ħareġ fid-dokument tal-każi fil-qosor mill-2018. L-ilment kien li mara tqila ġiet informata li t-tarbija li kienet qed iġġorr kellha kundizzjoni li kien jeħtiġilha li ssirilha operazzjoni urġenti mat-twelid. L-omm intbagħtet ir-Renju Unit mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex wara li twelled it-tarbija tkun tista’ tiġi operata. Intant id-Dipartiment qal ukoll li l-policy li tirregola l-każijiet ta’ trabi jew tfal li huma taħt l-età ta’ 18-il sena ma toffrix lok sabiex l-ispiża tat-titjiriet tagħhom tiġi koperta bir-raġuni tkun għax qabel ma telqu minn Malta t-tarbija kienet għadha ma twelditx.

Aktar tard id-Dipartiment jaċċetta li jħallas parti mill-ispiża tal-ġenituri

Ir-rapport ikompli jgħid kif wara l-investigazzjoni mill-Kummissarju għas-Saħħa, id-Dipartiment għas-Saħħa aċċetta li jirrifondi l-ispiża tat-titjira lura tal-ġenituri ukoll mir-Renju Unit. Sostna li t-titjira minn Malta għar-Renju Unit ma kinitx se tiġi rifuża.

Intant il-Kummissarju talab lid-Dipartiment jispjega kif tarbija li għadha ma twelditx setgħet tingħata l-kura immedjatament kif twieldet, jekk l-omm li kienet qed iġġorrha f’ġufha ma ssifirx hi wkoll lejn ir-Renju Unit. Sostna li din il-mara ntbagħtet ir-Renju Unit mhux biex sempliċiment twelled hemm, iżda għax it-tarbija fil-ġuf kellha problemi mediċi li ġew djanjostikati qabel it-twelid. Għalhekk, il-Kummissarju rrakkomanda li l-ġenituri kellhom jingħataw lura l-ispejjeż tat-titjira minn Malta għar-Renju Unit.

“L-istqarrija tad-Dipartiment tas-Saħħa hija kompletament inaċċettabli”

Il-Kummissarju għas-Saħħa sostna li l-istqarrija tad-Dipartiment tas-Saħħa, jiġifieri li t-tarbija fil-ġuf bil-liġi mhix rikonoxxuta bħala persuna, hija inaċċettabli. Sostna li din mhux biss tiftaħ il-kwistjoni ta’ jekk fetu uman għandux ikollu protezzjoni bil-liġi, imma wkoll għax tikkomprometti u tippreġudika d-dibattitu dwar jekk l-abort għandux ikun introdott f’xi forma jew oħra.

Biex isostni l-punt tiegħu, il-Kummissarju għas-Saħħa għamel referenza għas-sentenza tal-Imħallef Lawrence Mintoff tal-2015 fejn kien għamel biċ-ċar li tarbija fil-ġuf għandha d-drittijiet tagħha ladarba tkun ikkonċeputa, mhix oġġett li bih wieħed jista’ jagħmel li jrid u ma jistax jiġi eskluż mid-dixxiplina tal-persuna. Il-Kummissarju sostna li din is-sentenza hija l-oppost tal-istqarrija magħmula mid-Dipartiment tas-Saħħa li l-fetu uman ma jgawdi ebda dritt.

Qal li għandu jittieħed in konsiderazzjoni li din is-sentenza ġiet mgħotija fi żmien qabel ma’ l-leġiżlazzjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni daħlet fis-seħħ. Dan l-iżvilupp aħħari, spjega l-Kummissarju, juri li l-liġi kif inhi llum tirrikonoxxi li l-embrijun uman jeżisti b’mod distint u separat mill-omm u mill-missier naturali u hu suġġett għal drittijiet u obbligi anke fi stadju ta’ qabel il-konċepiment.

Intant hija fl-opinjoni tal-Kummissarju li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-mument li d-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati u l-obbligi jkunu jorbtu. Qal li huwa perfettament possibli għal fetu uman li jkun mogħni bi drittijiet meta għadu fil-ġuf, anke jekk id-drittijiet tiegħu ikunu jistgħu jiġu eżerċitati biss wara t-twelid jew minn xi ħadd f’ismu qabel ma jitwieled.

“Huwa ċar li hemm bżonn kjarifiċi fil-liġijiet rispettivi” – PN

F’reazzjoni għar-rapport tal-Ombudsman, il-Partit Nazzjonalista sostna li huwa ċar li ladarba l-awtoritajiet tas-saħħa ġihom dubju jekk tarbija fil-ġuf hix persuna, hemm bżonn li dawn il-kjarifiċi jiddaħħlu fil-liġijiet rispettivi biex jiġi assigurat li ma jerġax ikun hemm interpretazzjoni skorretta. Il-PN kompla jgħid li anke wara l-istqarrija tal-President George Vella, huwa ċar li f’Malta m’hawnx lok għall-abort.