Tarbija anke jekk mhux perfetta hi ħolqien t’Alla

Il-Papa Franġisku jiltaqa' ma' diriġenti u players tat-tim Nazzjonali tal-Futbol Taljan

Meta ltaqa’ mal-uffiċjali, il-kowċ u l-plajers tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan nhar il-Ħadd fil-għodu, il-Papa Franġisku sostna li “tarbija, anke jekk mhux perfetta, hi ħolqien tal-idejn t’Alla”.

Il-laqgħa saret fuq inizjattiva tat-tim nazzjonali Taljan li issa ilu snin twal jikkollabora mal-Isptar Bambino Gesù, sptar tal-Vatikan, li jinsab f’Ruma li bħalissa qed jiċċelebra l-150 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Il-Papa esprima l-apprezzament tiegħu għaż-żjara tat-tim li kien għadu kif ġej minn rebħa f’partita kompetittiva u rringrazzjahom b’mod partikolari talli marru jżuru lit-tfal rikoverati fl-isptar Bambino Gesù.

“Naf li mortu taraw lit-tfal fl-isptar u hemm urejtu dik il-ħlewwa li lkoll għandna iżda li ħafna drabi naħbu fina. Imma quddiem tarbija jew tifel dik il-ħlewwa dejjem nuruha”, qal il-Papa.

Papa Franġisku nnota li meta daħal fis-sala, fuq ix-xellug ra pittura dwar il-ħolqien tad-dinja. “Intom u ħerġin ħarsu lejn din il-pittura. Dawk huma idejn Alla li welled tarbija”.

Kull twelid hu kreazzjoni

“Dak l-artist ħaseb li kull twelid hu kreazjoni. U veru, anke f’dawk id-drabi fejn mhux kollox ikun perfett u jkun hemm tfal isofru, dak hu ħolqien t’Alla.” Hu qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi il-familji jġorru s-salib.

Hu qal li l-lingwa biex nifhmu tarbija u biex nersqu lejn tarbija dejjem irid ikollna din il-“ħlewwa”. L-unika ħaġa li t-tarbija tifhem u li aħna naraw meta nkunu quddiem tarbija hi” il-lingwa tal-ħlewwa.

Il-Papa Franġisku rringrazzja lit-tim Taljan għal dan il-ġest sabiħ li wrew ma’ dawn it-tfal morda u rrimarka li “forsi xi ħadd minnkom, waħdu, wara din iż-żjara, qabżitlu demgħa”.

“Dan is-sentiment ta’ ħlewwa jaf jittradina! Wieħed jagħmel ġest sabiħ u bi ħlewwa u wara, meta jkun waħdu, jibki. Hekk jiġri. Hekk hi l-ħajja. Grazzi mill-qalb ta’ dan il-ġest sabiħ u ħelu li għamiltu, temm jgħidilhom il-Papa Franġisku.

Fost dawk preżenti għal din il-laqgħa barra l-plajers tat-tim nazzjonali kienu preżenti wkoll Roberto Mancini, il-kowċ u li staff tekniku tiegħu, il-President tal-Fedrazzjoni tal-Footbal Taljan u uffiċjali oħra. Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Isptar Bambino Gesù, it-Tabiba Mariella Enoc.

Wara li Mancini ppreżenta lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, flokk tat-tim nazzjonali Taljan bil-kelma Bergoglio fuq id-dahar, il-Papa sellem individwalment lill-plajers u lill-ufċċjali kollha preżenti.