“Tarah imut; iċċempel lill-qraba u ħadd ma jiġi” – Maniġer f’dar tal-anzjani

Maniġer f’dar tal-anzjani jirrakkonta kif ġieli jara persuna qiegħda tmut, ikun hu biss mal-persuna, iċempel lill-qraba imma ħadd ma jiġi. Josiah Grech, li jieħu ħsieb Dar Saura jgħid li jara impjegati li jibku għall-mewt tal-anzjani għax ikunu saru parti minnhom u jħossuha li ħadd minn tal-familja ma ġie jarahom jew idur bihom. Isemmi każi fejn iċemplu lill-qraba biex iġibu xi affarijiet, iżda dawn qatt ma jaslu.

F’intervista waqt Il-Ħajja Sabiħa fuq RTK, Josiah jgħid li saħansitra meta tmut persuna u jħarsu lejha jindunaw kif tkun għexet, jekk tkunx kuntenta. Jgħid li anke mir-riħa tal-persuna jindunaw, u meta persuna jkollha riħa tfuħ jgħidu li tkun mietet f’ċertu paċi.

Jirrakkonta li mill-banda l-oħra ġieli jkollhom qraba li jieħdu ħsieb ħafna l-anzjani tagħhom u jagħtu appoġġ kbir lill-ħaddiema fid-dar. Jagħmel emfasi fuq l-importanza tal-umanita’ u li ma jħalli lil ħadd waħdu fid-dar. F’xi każi huwa jkun l-uniku bniedem li l-persuna jkollha kuntatt magħha u hu jara kif iżommha kuntenta. Qal li għalkemm ġieli kellu anzjani li “tagħmillhom x’tagħmillhom ma tikkuntentahom qatt,” kollha jirreaġixxu u juru kompassjoni għall-fatt li qed tipprova tgħinhom.

Mill-esperjenza tiegħu isemmi kif minkejja li n-nies qed jgħixu aktar, mhux bilfors li qed jgħixu iktar kuntenti. Jispjega l-fenomenu ta’ bidla li jara hekk kif inbidlet ukoll il-mentalità tan-nies u qed iħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti: “kulħadd irid l-aħjar, ma jridx jinvolvi ruħu, imma jrid ikun jaf x’qed isir.”

Josiah jispjega l-ħtieġa li tieqaf verament u tisma’ b’qalbek meta xi ħadd anzjan irid jgħidlek xi ħaġa. Jgħid kif bniedem muġugħ jew bid-dimensja mhux kapaċi jispjega kull ma qed iħoss. Allura trid tpoġġi bilqiegħda ħdejh biex tisimgħu u tifhmu.

Fuq livell personali, jistqarr li jgħaddi minn ħafna mumenti meta jħossu down minħabba x-xogħol. Fil-ħin liberu jipprova jagħmel affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mar-rutina billi jagħmel l-arti, ix-xogħol fil-karozza, iwaħħal madum tal-art jew jibni l-għamara.