Tar-roti jsaqsu minn fejn se jgħaddu la tinbidel ir-rawndebawt ta’ Ħal Luqa

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) staqsa minn fejn se jgħaddu dawk li jkunu qed isuqu r-rota biex jaqsmu bejn Ħal Luqa, il-Gudja, Ħal Far u Ħal Kirkop.
Il-grupp li jaqbeż għad-drittijiet ta’ min ma jużax il-karozza bħala l-mezz ewlieni tat-trasport esprima t-tħassib tiegħu dwar ix-xogħol li se jibda fir-rawndebawt  li minn Ħal Luqa twasslek għall-Gudja, għall-Ajruport ta’ Malta, għat-Triq ta’ Ħal Far u għall-mina ta’ Ħal Kirkop.
Il-grupp argumenta li skont il-pjanijiet ta’ kif ġejjin dawn il-lanes, il-viji differenti li hemm bħalissa ddedikati għar-rota mhux se jibqgħu jkomplu ma’ xulxin, u għalhekk min ikun fuq rota jrid jinżel minnha u jaqsam it-triq.
Il-BAG saqsa lill-Ministru għat-Trasport u lil Transport Malta sabiex joħorġu bi proposti aktar reali f’dak li jikkonċerna s-sigurtà tas-sewwieqa tar-roti.
Saħaq li l-ħin mitluf fit-traffiku jbati minnu kulħadd.
Il-grupp irrefera għall-wegħda elettorali tal-Ministru Ian Borg li jippromwovi l-użu tar-rota, u talab sabiex il-wegħda tibda titwettaq.
Il-BAG ma kienx ġie kkonsultat minn Transport Malta, qal, meta talab biex jintwera kif il-lanes il-ġodda fir-rawndebawt ta’ Ħal Luqa se jassiguraw liċ-ċiklisti li l-viji tagħhom se jibqgħu tali.
Ritratt: Arkivji