Tar-roti jridu rampi minflok liftijiet fl-Imrieħel

Il-Bicycle Advocacy Group (BAG), qajmu tħassib dwar l-aċċess fl-Imrieħel minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità għall-pont pedonali tal-Imrieħel.
Filwaqt li sejħu biex jibnew rampi mal-pont pedonali tal-Imrieħel biex b’hekk jagħmluh aċċessibbli għaċ-ċiklisti, il-grupp li jaqbeż għad-drittijiet ta’ min isuq ir-rota rrimarka li l-liftijiet tal-pont pedonali għadhom ma ġewx installati, u għalhekk iċ-ċiklisti qegħdin ikollhom jgħaddu mit-traffiku.
Il-BAG fi stqarrija lmentaw li huma qatt ma ġew ikkonsultati dwar il-pont pedonali.
Saħqu li meta jsir, u jekk jsiru l-liftijiet, se jkun hemm problema ta’ ineffiċjenza minħabba li r-roti mhux se joqogħdu kollha ġol-lift u se jkun hemm ħinijiet ta’ stennija.
Dan fi kliemhom se jwassal liċ-ċiklisti biex jużaw it-triq.