​Taqtigħa bejn Luxol u Ħamrun; il-Beltin jibqgħu jirbħu

F’taqtigħa bejn Ħamrun Tre Angeli u Luxol, tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-4. Luxol kellhom saħansitra żewġ plejers imkeċċija, meta Glenn Bonello rċieva t-tieni karta safra u l-gowlkiper Matthew Xerxen ġie muri l-karta l-ħamra.
Il-gowls għat-tim minn St Andrews waslu mingħand Andy Mangion, Rogerio dos Santos Filho, Frane Depotovic, Celino Alves u Mark Zammit. Għall-Ħamruniżi skurja darbtejn Luke Stivala u gowl kull wieħed għal Aleksander Tomin u Everton da Silva Santos. Żewġ minuti mit-tmiem, il-lasta ċaħdet lil Florin Anton milli jiskurja l-gowl tad-dro.
Intant f’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, l-Universitarji rritornaw għar-rebħ meta għelbu għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 8-3. Rebħa oħra għal Swieqi United, din id-darba fuq Marsaskala bl-iskor ta’ 5-0. It-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United kiseb l-ewwel tliet punti meta għeleb lit-tim tal-Junior College bl-iskor ta’ 13-2. Mriehel ESS għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 7-1.
Fl-aħħar logħba tal-ġmgħa, Valletta kisbu t-tmien rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-0. Il-gowls waslu b’tripletta ta’ Gia Nikvashvili, doppjetta ta’ Denis Di Maio u gowl ta’ Jovica Milijic.
Fil-klassifika tal-kampjonat, Valletta jibqgħu waħedhom b’punti massimi b’24 punt, segwiti mit-tim tal-Università b’19-il punt u Swieqi United bi 18-il punt. Luxol telgħu bi 15-il punt flimkien ma’ Pietà Nordiska. Hamrun Tre Angeli għandhom 13-il punt u Mriehel ESS issa għandhom tnax-il punt. Tarxien JMI, Qormi u Marsaskala baqgħu b’sitt punti. Fl-aħħar nett it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United inqala’ mill-aħħar post bi tliet punti, filwaqt li t-tim tal-Junior College għadu mingħajr l-ebda punt.
Intant il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:
It-Tnejn 20/11/17
Fit-8:00 pm Marsaskala vs Hamrun Tre Angeli
Fid-9:15 pm Qormi vs Mriehel ESS
It-Tlieta 21/11/17
Fit-8:00 pm Swieqi United U21 vs Tarxien JMI
Fid-9:15 pm Junior College vs Swieqi United