Aġġornata (2): Taqtgħux kantunieri bil-wirt Malti – studenti tal-arti dwar il-MUŻA

DOI - Kevin Abela

Read in English.

L-għaqda studenteska tal-arti HoASA qalet li fejn jidħlu affarijiet marbutin mal-istorja u l-wirt artistiku ta’ Malta wieħed m’għandux jaqta’ kantunieri.

Fuq Facebook, HoASA (History of Art and Fine Arts Students’ Association) qalet li tinsab imħassba dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-MUŻA li huwa l-mużew tal-arti nazzjonali u tal-kommunità ta’ Malta (national-community art museum). Madwar 130 xogħol artistiku tneħħew mill-gallariji tal-MUŻA minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. Dan ix-xogħol tpoġġa’ f’post ieħor fl-istess mużew filwaqt li ħaddiema tal-Heritage Malta se jkunu qed jaħdmu fuqhom biex jirranġawhom.

130 xogħol artistiku jitneħħa mill-MUŻA minħabba l-moffa

Il-HoASA qalet li l-istorja tal-MUŻA kienet waħda mimlija b’nuqqasijiet. Fosthom l-istudenti qalu li l-mużew infetaħ tard u xogħlijiet tal-arti kienu mifruxin b’mod diżorganizzat.

Aktar tard il-Partit Nazzjonalista qal li l-kollezzjoni nazzjonali tal-arti kontemporanja tinsab fil-periklu minħabba l-inkompetenza tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici. Wara, il-Ministeru għall-Kultura qal li numru ta’ kwadri tneħħew bħala “miżura ta’ prevenzjoni”.

Il-HoASA qalet li reċentament ix-xogħlijeit suppost kellhom jinħarġu għall-kontrolli tal-klima.

“Huwa importanti li wieħed jenfasizza li fi ħdan mużew professjonali dan il-pass kien messu ttieħed ħafna qabel ma qamet din il-kwistjoni. Mużew professjonali għandu jissalvagwardja l-affarijiet fil-pussess tiegħu u l-miżuri adegwati għandhom jiġu kkunsidrati biex l-ambjent jinżamm stabbli u favorevoli għax-xogħlijiet tal-arti.”

L-istudenti sejħu għal investigazzjoni fil-każ u biex tintrefa’ r-responsabbilità għal dak li ġara. Skont il-HoASA, huwa importanti li jkun hemm internships u l-ingaġġ ta’ persuni li jkunu gradwaw fl-arti biex kwistjonijiet bħal dawn jiġu evitati.

HoASA would like to express its concern on the current situation at MUŻA. Muża was a project that was meant to house our…

Posted by HoASA on Tuesday, August 20, 2019

Follow Up: Nidħlu fil-MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti

F’Novembru tal-2018, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici kien faħħar dan il-proġett “tant ambizzjuż” li sar b’investiment ta’ €10,000,000 parzjalment finanzjat minn fondi Ewropej.

Ċar li għal Bonnici l-mużew huwa gimmick politiku – PN

Aktar tard, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li x-xogħlijiet li għaddejjin fil-binja tal-MUŻA juru biċ-ċar li għall-Ministru Owen Bonnici l-mużew huwa biss gimmick politiku. Qal li l-mużew infetaħ f’ħafna għaġla kontra l-pariri ta’ Heritage Malta.

Skont l-istqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Kultura Therese Comodini Cachia l-Oppożizzjoni talbet kemm-il darba lil Bonnici biex jieħu l-kollezzjoni u l-MUŻA bl-akbar serjeta u jassigura li jkunu l-esperti li jieħdu ħsieb il-kollezzjoni mingħajr indħil politiku.

“Il-Ministru għall-Kultura issa għandu jgħid u jispjega fid-dettal x’qed isir sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u għandu jgħid jekk laħqitx saret il-ħsara lix-xogħlijiet artistiċi,” qal il-PN.

Kwadri tneħħew bħala miżura ta’ prevenzjoni – Ministeru għall-Kultura

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Kultura qal li l-Oppożizzjoni trid tiddeċiedi x’inhi l-kritika tagħha dwar il-MUŻA.

“Skont hi, il-MUŻA nfetaħ b’ħafna għaġġla, jew inkella skont hi, il-MUŻA dam ma nfetaħ? Il-verità hija li l-MUŻA nfetaħ, kif imwiegħed, fl-2018 waqt is-sena ddedikata lill-Belt Valletta bħala l-belt kapitali kulturali tal-Unjoni Ewropea.”

Skont il-Ministeru, il-mużew nazzjonali jħaddan l-aqwa teknoloġiji u prattiċi fil-qasam tal-preservazzjoni.

“Kull min jaf il-bażiku dwar kif jaħdmu l-fondi Ewropej jaf li proġett ta’ dan it-tip isir wara ppjanar dettaljat u studji meħtieġa.  Il-bini, li għandu madwar 450 sena, illum jinkludi numru ta’ tibdiliet teknoloġiċi u faċilitajiet ta’ temperaturi kkontrollati.”

“Huwa proprju bis-saħħa ta’ dawn il-faċilitajiet teknoloġiċi li, f’mument partikolari fl-eqqel tas-sajf Malti, ġiet indikata żieda fil-livelli ta’ umdità f’parti minn din il-binja. Bħala miżura ta’ prevenzjoni u prekawzjoni, ġie deċiz li numru ta’ kwadri f’din il-parti tal-binja ma jibqgħux għall-wiri sakemm ikun assigurat li s-sitwazzjoni hija luragħan-normal. Huwa mistenni li dan iseħħ fi żmien qasir u l-kwadri jkunu jistgħu jerġgħu jitgawdew minn kulħadd.  Kif diġà ntqal pubblikament mill-esperti ta’ Heritage Malta, ma saret ebda ħsara lix-xogħlijiet artistiċi.”

“Kif l-Oppożizzjoni ddeċidiet li din il-miżura ta’ prevenzjoni tefgħet il-kollezzjoni nazzjonali fil-periklu hija xi ħaġa li hi biss tista’ twieġeb.”