Taqleb għall-aħjar l-armla ta’ Dan Udrea

Qalbet għall-aħjar il-mara ta’ Dan Udrea li miet is-Sibt li għadda meta siġra waqgħet fuq il-karozza tagħhom.
B’tarbija ta’ seba’ xhur, Irina Udrea qed terġa’ tieħu saħħitha lura bil-mod hekk kif għadha qed tinżamm fl-isptar Mater Dei għall-kura.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon, qal ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm qalbet għall-aħjar, Irina għadha taħt xokk kbir.
Irina u r-raġel tagħha Dan Udrea kienu nvoluti fl-inċident li ħasad il-ħajja ta’ Dan fi Triq Notabile fl-Imrieħel nhar is-Sibt li għadda meta siġra waqgħet fuq il-karozza tagħhom.
Il-koppja kienu ġew Malta ħames snin ilu biex isibu xogħol u jibnu l-familja tagħhom f’Malta.
Id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jiġbru l-flus biex il-ġisem bla ħajja ta' Dan Udrea, ikun jista’ jindifen f'pajjiżu, ir-Rumanija.