Tappella lill-UE biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż fuq nisa

L-Ewroparlamentari Maltija Marlene Mizzi ħeġġet lill-UE biex issaħħaħ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-abbuż domestiku u l-vjolenza kontra n-nisa.
Lejlet il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, l-Ewroparlamentari Laburista ħadet sehem fl-attività tas-Soċjalisti u Demokratiċi fejn ġie ppreżentat proġett li jipprovdi l-opportunità għal nisa li jkunu għaddew minn abbuż domestiku, biex jiġu mismugħa, rikonoxxuti u apprezzati.
Marlene Mizzi appellat biex jieqaf dak li sejħet “aġir kriminali u inuman kontra n-nisa”, b’bidla kulturali reali fil-komunitajiet biex il-vjolenza kontra n-nisa ma tibqax ittollerata mis-soċjetà.
Ikkwotat stħarriġ riċenti madwar l-UE li, fost l-oħrajn, juri li madwar 13-il miljun mara fl-UE għaddew minn vjolenza fiżika u 3.7 miljun mara għaddew minn vjolenza sesswali fl-aħħar 12-il xahar. 3 minn kull 4 nisa f’xogħol professjonali jew f’karigi għolja sofrew minn fastidju sesswali.