Tappella lill-pajjiżi tal-UE biex iqisu l-immigrazzjoni kif iqisu l-ekonomija

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet azzjoni effettiva, mhux iktar retorika, fil-qasam tal-immigrazzjoni, sigurtà għal dawk li qed ifittxu kenn u iktar informazzjoni vera, mhux biżgħat, dwar il-persuni li qed ifittxu ħajja aħjar.
Il-President ta’ Malta kienet qed tindirizza konferenza organizzata minn SOS Malta u l-konsorzju Ladder, propju dwar l-immigrazzjoni fl-okkażjoni tal-ewwel jum ta’ summit f’Malta dwar is-suġġett.
Coleiro Preca insistiet dwar il-ħtieġa li l-UE tfittex kooperazzjoni u tibni pontijiet bejn pajjiżi mhux ħitan, anke fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Saħqet li kieku l-Unjoni tagħraf il-potenzjal tal-immigrazzjoni – li dejjem kienet u dejjem se tibqa’ – bl-istess mod li għarfet il-potenzjal li l-pajjiżi jaħdmu flimkien mil-lat ekonomiku, tirrealizza kemm tista’ tiggwadanja iktar u fl-istess ħin tagħti opportunità ta’ ħajja aħjar lil diversi familji.
Spjegat li l-kriżi li l-kontinent jinsab fiha bħalissa, b’immigranti li jaslu għandu mill-Afrika, mill-Ażja u mil-Lvant Nofsani, teżisti llum għax għal diversi snin l-Ewropa baqgħet wisq passiva.
Insistiet li d-drittijiet tal-bniedem f’dan il-qasam qed jiġu injorati u ħeġġet azzjoni immedjata f’dan ir-rigward.
Tenniet dak li nsistiet fuqu fis-summit fin-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, u allura l-ħtieġa ta’ azzjoni biex jitnaqqas il-faqar; għal aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa, ilma nadif u kwalità ta’ ħajja b’saħħitha; tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-bidla fil-klima, u l-paċi.
Il-President ta’ Malta nkwadrat l-immigrazzjoni bħala fenomenu li jikber bil-bosta jekk dawn il-punti ma jiġux indirizzati, waqt li nsistiet li xi politiċi qed jippreferu jkunu populisti u jbeżżgħu dwar l-immigrazzjoni milli jitkellmu fuq il-fatti veri.
Kien f’dan il-kuntest li appellat għal informazzjoni korretta b’fatti biex tkun tista’ ssir diskussjoni kif għandha tkun, dwar is-suġġett.
Fl-istess ħin, awgurat li l-Valletta Summit ta’ dawn il-jumejn iwassal għal bidla konkreta fl-attitudni, l-istrateġiji u l-politika ta’ dawk kollha involuti.
Ritratt: OPR