Tappella li n-negozji għandhom jiġu kkumpensati qabel ir-residenzi

Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab sorpriża u diżappuntata bl-aħbar li n-negozji mhu se jibbenefikaw mill-ebda kumpens għat-telf li kellhom minħabba l-qtugħ tal-elettriku l-ġimgħa li għaddiet.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li ċertu inċentivi u inizjattivi għandhom jiġu pprovduti l-ewwel lin-negozji, imbagħad jiġu estiżi għar-residenzi.
Saħqet li kienet il-komunità tan-negozji li ġarrbet l-ikbar ħsarat bil-qtugħ tad-dawl, li dam diversi sigħat. Spjegat li t-telf ma nħassx biss mill-istabbilimenti turistiċi, iżda wkoll telf ta’ sigħat fil-produttività fis-settur tal-manifattura.
B’hekk il-Kamra tal-Kummerċ qed tappella bil-qawwa kollha, li n-negozji għandhom jingħataw kumpens qabel ir-residenzi.