Tanya Borg Cardona tinħatar chairperson tal-Awtorità tax-Xandir

Tanya Borg Cardona nħatret chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u se tkun l-ewwel mara li se tmexxi l-Awtorità kemm ilha li twaqqfet mill-1961.
Il-membri l-oħra tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir huma Reno Borg, Peter Fenech, Rose Sciberras u Chris Scicluna.
Borg Cardona inħatret skont il-Kostituzzjoni li tgħid li ċ-chairperson irid jinħatar mill-President skont il-parir tal-Prim Ministru u wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Hija għandha esperjenza bħala membru tal-Bord tal-Awtorità tad-Djar u ċermen ta’ bordijiet oħra fi ħdan l-istess Awtorità bejn Lulju tal-2011 u Mejju tal-2013.
Kienet ukoll membru tal-bord ta’ ristrutturar tal-Istituti Vincenzo Bugeja fl-2010 u konsulent tal-proġett Equal tal-Awtorità tad-Djar.
Bejn l-2001 u l-2003 kienet ukoll membru tal-bord tal-IVA, Yes to Europe.
 
Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li fi spirtu ta’ kunsens, l-Oppożizzjoni aċċettat in-nomina ta’ Tanya Borg Cardona bħala chairperson ġdid tal-Awtorità tax-Xandir minkejja riżervi dwar in-nomina tagħha.
L-istqarrija tgħid li r-riżervi huma fuq nuqqas ta’ esperjenza fix-xandir.
L-Oppożizzjoni qed tistenna li Tanya Borg Cardona turi li hija kapaċi teżerċita’ l-funazjoni tagħha b’imparzjalità stretta kif mistenni minn karoga Kostituzzjonali importanti.