Tankers Iranjani rreġistrati Malta kienu jbaħħru bil-bnadar tat-Tanżanija

Rapporti mill-Awtoritajiet Marittimi Internazzjonali, li uħud ġew irrappurtati wkoll fil-mezzi tax-xandir Afrikani, isostnu li qabel ma’ Malta neħħiet mir-reġistru marittimu t-tankers u l-bastimenti kollha Iranjani, dawn kienu qed ibaħħru bil-bnadar tat-Tanżanija u Tuvalu.

Rapporti internazzjonali jikkonfermaw li sa’ Awwissu tas-sena li għaddiet, kumpanija ibbażata f’Dubaj kienet qed tbaħħar it-tankers reġistrati f’Malta u Ċipru, bil-bnadar tat-Tanżanija u Tuvalu.

Dan kien fi żmien meta t-Tanżanija kien fil-proċess li jneħħi dawn it-tankers minn fuq ir-reġistru marittimu.

Minħabba s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fuq l-Iran, Malta u Ċipru neħħew aktar minn 75 tanker mir-reġistri rispettivi.

Dan fl-istess żmien li kienet ġiet ‘blacklisted’ il-flotta merkantili Iranjana, l-IRISL.