Tanker bil-bandiera Maltija milqut f’inċident ta’ terroriżmu marittimu

Agrari Tanker
vesselfinder.com

Read in English.

Bastiment kummerċjali li jsalpa bil-bandiera Maltija ntlaqat waqt każ ta’ terroriżmu marittimu fl-Arabja Sawdija.

Siti internazzjonali qed jirrappurtaw kif it-tanker, li huwa operat mill-kumpanija TMS tankers ibbażata fil-Greċja, intlaqat minn biċċiet ta’ bomba wara splużjoni li seħħet f’terminal fl-Arabja Sawdija, fil-Baħar tat-Tramuntana.

Skont Ambrey, l-Aġenzija ta’ Sigurtà Marittima Ingliża, l-isplużjoni saret fil-limiti tal-port u kkawżat ħsara fil-buq (hull) tal-bastiment li jinsab fil-ballast. It-tanker wasal f’Shuqaiq it-Tnejn.

Il-kumpanija Griega spjegat li t-tanker bl-isem ta’ Agrari ntlaqat madwar metru ‘l fuq mill-ilma. Kien ikkonfermat li l-ekwipaġġ huwa sikur u ma ndarab ħadd. Intqal ukoll li ma kien irrappurtat l-ebda tniġġiż kawża tal-inċident.

Intant, kelliem għal ministeru Grieg qal li t-tanker kellu fuqu 25 membru tal-ekwipaġġ, inkluż seba’ persuni Griegi. Fuqu ma kienx hemm merkanzija meta seħħet l-isplużjoni.

Dwar il-każ infetħet investigazzjoni mill-awtoritajiet Sawdi li jidher li qed jinvestigaw flimkien mal-gwardja tal-kosta tal-pajjiż.