Aġġornata (5): Il-Gvern iwissi lill-aġenti tat-tanker li jista’ jżommhom responsabbli

10:00  It-tanker li qed iġorr 102 immigrant irregolari għadu wieqaf ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin. 

20.05:  Il-Gvern bagħat ittra ta’ twissija lill-aġenti tat-tanker MV Salamis, li jekk it-tanker ma jmurx il-Libja, il-Gvern se jżomm lill-aġenti responsabbli għad-danni u spejjeż oħra. Barraminhekk il-Gvern qal li jirriserva d-dritt li jieħu azzjonijiet legali.  

Fl-ittra, il-Gvern insista li minkejja li l-kaptan tal-vapur kellu struzzjonijiet ċari li l-immigranti irregolari jiddaħlu Tripli, li kien l-aktar port sigur viċin, il-kaptan m’obdiex l-ordnijiet u pprova jdaħħal l-immigranti Malta.

Aktar kmieni llejla, l-aġent tat-tanker appella lill-awtoritajiet Maltin u Taljani biex b’urġenza jipprovdu struzzjonijiet ċari dwar l-iżbark ta’ dawn l-immigranti, erba’ minnhom nisa li qed jistennew tarbija u li jeħtieġu għajnuna medika.

L-immigranti qed jgħidu li ġejjin mill-Etjopja u l-Eritrea.

 

18:05: Fi Stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ppubblika l-komunikazzjoni bejn l-Italja u Malta li tikkonferma struzzjonijiet ċari li taw l-awtoritajiet Taljani biex l-MV Salamis tiġbor grupp ta' immigranti u teħodhom fl-iktar port viċin, li kien Tripli.

Aktar kmieni:  Tanker reġistrat il-Liberja, l-MV Salamis, li ġabar 102 immigrant madwar 45 mil mill-kosta Libjana ma tħalliex jidħol Malta wara li ma segwiex struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani biex iwassal l-immigranti fl-eqreb port sigur.  

It-Tanker kien għadu kif telaq mill-port ta’ Khoms fil-Libja. 

It-tanker intalab jagħti l-għajnuna lil dinghy mgħobbi b'102 immigrant mill-awtoritajiet Taljani.

It-Taljani nfurmaw lill-Kaptan tal-MV Salamis li kellhom iduru lura lejn l-iktar port qrib, li kien l-istess port minfejn kien għadu kif telaq.

Minkejja dan, it-tanker ma bidilx ir-rotta u beda riesaq lejn Malta.

Il-Gvern Malti informa lill-Kaptan illi ladarba l-immigranti ġew salvati u allura mhumiex f'periklu, allura dan il-bastiment ma kienx se jitħalla jidħol fl-ibħra territorjali Maltin.

Aktar tard wara nofsinhar stqarrija tal-Gvern sostniet li l-MV Salamis kien jinsab wieqaf 21 mil nawtiku 'l barra mill-kosta ta' Malta meta dan kien diġa dar lura lejn il-Libja u kien jinsab daqs 32 mil nawtiku l-bogħod minn Malta. 

Intant b'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern dalgħodu, l-Oppożizzjoni tinnota li l-Gvern qed jieħu l-istess pożizzjoni li kien jieħu l-Gvern Nazzjonalista f'ċirkostanzi identiċi skont id-dritt internazzjonali. L-Oppożizzjoni tikkonferma li f'ċirkostanzi identiċi fis-snin li għaddew ġie rifjutat id-dħul f'Malta ta' vapuri li flok ma wasslu immigranti fl-eqreb port sigur, dawn kienu jippruvaw jidħlu Malta li ma kienetx l-eqreb port.

Abbażi tal-fatti magħrufa s'issa u mogħtija mill-Gvern, jidher li l-eqreb port sigur kien il-port Libjan u għalhekk f'dan il-każ Malta qed timxi skont l-obbligi internazzjonali tagħha, u l-Oppożizzjoni tittama li l-eżitu jkun wieħed pożittiv.

Ritratt: Sakis Antoniou

Ara l-komunikazzjoni bejn Malta u l-Italja hawnhekk.