Tama ġdida għal Charlie Gard

L-isptar Great Ormond Street f’Londra ressaq talba quddiem il-qorti biex jerġa’ jinstema’ l-każ ta’ Charlie Gard u tiddeċiedi jekk ikunx fl-aħjar interess tat-tarbija li tingħata mediċina esperimentali.
It-talba quddiem il-qorti saret wara ittra minn seba’ tobba iħeġġu l-isptar jerġa’ jikkunsidra l-possibiltà ta’ trattament ta’ Charlie li għandu kundizzjoni rari.
It-tobba bagħtu l-ittra mill-isptar tal-Vatikan f’Ruma u fiha qalu li data mhux ippublikata turi li l-kundizzjoni ta’ Charlie għandha potenzjal li tmur għall-aħjar, jekk jingħata l-kura esperimentali.
L-isptar Great Ormond Street kien kiseb permess mill-qrati biex jitfi l-magni ta’ Charlie għax qal li l-kundizzjoni tiegħu kienet irriversibbli.
Iżda issa l-isptar irid li l-qorti tiddeċiedi jekk Charlie għandux jingħata l-mediċina esperimentali, kif qed iħeġġu t-tobba fl-Istati Uniti u Ruma.
Sptar Amerikan joffri l-kura esperimentali
Aktar kmieni, sptar Amerikan offra li jibgħat il-mediċina esperimentali lejn ir-Renju Unit, biex jgħin fil-kura ta’ Charlie Gard.
L-isptar fi New York offra li jilqa’ lit-tarbija ta’ ħdax-il xahar, jekk jiġu megħluba l-isfidi legali.
L-istqarrija tal-isptar hi l-iktar offerta t’għajnuna riċenti, wara l-offerta mill-Papa Franġisku u mill-President Amerikan Donald Trump.
Il-ġenituri ta’ Charlie, Chris Gard u Connie Yates, jinsabu fiċ-ċentru ta’ battalja legali twila mat-tobba tal-isptar Great Ormond Street f’Londra, li qed jgħidu li t-trattament ma jgħinx lit-tifel jgħix.
L-isptar Amerikan qal li lest jitratta lil Charlie bil-mediċina esperimentali ladarba jkollu malajr l-approvazzjoni tar-regolatur tal-gvern dwar l-ikel u l-mediċini.
Charlie għandu kundizzjoni tati u t-tobba argumentaw li se jintfew il-magni li qed iżommuh ħaj għax m’hemmx tama li l-kundizzjoni tiegħu tmur għall-aħjar.
“Ieqfu f’isem Alla”- Kardinal lil dawk li qed jiċħdu l-kura lil Charlie Gard
Sadattant il-Kardinal Carlo Caffarra kellu kliem iebes għal min qed iċaħħad lill-ġenituri ta’ Charlie Gard milli jagħtu l-kura esperimentali lit-tarbija tagħhom. “Ieqfu f’isem Alla,” qal il-Kardinal.
Huwa dddeskriva d-deċiżjonijiet tal-qrati Ewropej u Ingliżi biex jintfew il-magni ta’ Charlie Gard bħala “l-qiegħ tal-barbariżmu” u qal li juru li “wasalna fi tmiem it-triq tal-kultura tal-mewt.”
Il-Kardinal li kien l-Arċisqof ta’ Bologna, l-Italja u l-president fundatur tal-Istitut Ġwanni Pawlu t-Tieni għall-istudji dwar iż-żwieġ u l-familja.
L-istqarrija tiegħu qed titqies bħala paritkolarment b’saħħitha peress li Suor Lucia ta’ Fatima kienet kitbet lilu li “l-battalja finali” bejn Alla u Satana se tkun dwar iż-żwieġ u l-familja.