Tallinja card mhux se tinġabar mill-Kunsilli Lokali

Minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li rreġistraw għal tallinja card, jidher li dawn mhux se jinġabru mill-Kunsilli Lokali, imma se jibdew jitqassmu bil-posta fil-jiem li ġejjin.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li dan minħabba tħassib mill-Kunsilli Lokali dwar pressjoni fuq ir-riżorsi umani tagħhom.
minn meta l-Malta Public Transport nediet tallinja card fis-26 ta’ April li għadda, diġà rreġistraw għaliha mad-90,000 persuna. Fl-ewwel 12-il jiem kien hemm 40,000 reġistrazzjoni u fl-aħħar xahar 50,000 reġistrazzjoni oħra.
Infurmati wkoll li bħalissa qed ikun hemm 10,000 reġistrazzjoni ġdida fil-ġimgħa.
Tallinja cards se jibdew jintużaw f’Lulju li ġej hekk kif tibda titħaddem is-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku.
F’Lulju mistennija jibdew jaslu wkoll f’Malta, uħud mill-142 karozza tal-linja ġdida tat-tip Otokar, li qed jinbnew fit-Turkija.
Fost l-oħrajn se jkun qed jiddaħħal l kunċett ġdid, fejn il-passiġġieri li jkunu telgħin fuq tal-linja jużaw il-bieba ta’ quddiem, filwaqt li dawk li jkunu neżlin, jużaw il-bieba ta’ wara.  Dan għandu jgħin biex jonqos il-ħin tat-tlugħ u nżul tal-passiġġieri, u tiżdied il-puntwalità.
Is-servizz miżjud mill-Ispanjoli se jwassal ukoll biex titkabbar il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt Valletta, biex jirdoppja l-ispazju. Il-parti l-kbira tal-estensjoni se tkun lejn in-naħa tal-foss ta’ San Ġakbu.
In-nollijiet ġodda mill-1 ta’ Lulju se jkunu kif ġej:

  • Għal 30 ġurnata, l-adulti jħallsu €26, €21 għall-istudenti
  • Għal 90 ġurnata, l-istudenti jħallsu €55 (roħs ta’ €5)
  • Għal sebat ijiem, għat-tfal u dawk li għandhom il-Karta Anzjan, il-prezz huwa ta’ €2 (roħs ta’ 30 ċenteżmu)
  • Għall-vjaġġ wieħed għal dawk li jkollhom il-card, il-prezzijiet huma:
  • 75ċ għall-adulti
  • 25ċ għat-tfal u dawk bil-Karta Anzjan
  • Dawk mingħajr card u li jixtru biljetti minn fuq tal-linja se jħallsu €1.50. Fis-sajf il-prezz ikun €2.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-card wieħed jista’ jċempel fuq 2122 2000 jew jidħol fuq tallinja.com.