Aġġornata: Tallinja App l-aqwa app fil-gżejjer Maltin; żieda ta’ 15% fil-passiġġieri

It-Tallinja App rebħet l-unur tal-aqwa app fil-gżejjer Maltin waqt l-eBusinees Awards Annwali tal-MCA.
Il-Malta Public Transport qalet fi stqarrija li l-app, li nħolqot mill-kumpanija Alert, ħalliet impatt qawwi fuq kif in-nies tuża t-trasport pubbliku.
Il-popolarità u l-effettività tal-app jidher mill-fatt li f’sena tniżżlet fil-mowbajls tan-nies 100,000 darba.
Barra minn hekk, il-Ministeru għat-Trasport qal li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 15% fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, kif ukoll żieda ta’ 7,000 persuna li għandhom tallinja card.
Kompla jgħid li dawn il-fatturi huma kollha ċertifikat ta’ fiduċja fit-trasport pubbliku.
Id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, Daniel Grech, irrimarka li l-app bidlet il-mentalità u l-attitudni li l-poplu kellu lejn it-trasport pubbliku.
Temm jirringrazzja lill-kumpanija Alert, li issa hi d-Deloitte Digital, tas-servizz u s-serjetà tagħha biex ipproduċiet din l-app.
L-eBusinees Awards Annwali tal-MCA ifittxu għal ideat u inizjattivi uniċi fil-qasam tat-teknoloġija li jkunu intużaw b’suċċess fin-negozju. L-MCA, imwaqqfa fl-2011, tħabrek biex tixpruna inizjattivi simili u toħloq konsapevolezza dwarhom, sabiex tħajjar lil ħaddieħor juża l-kreattività tiegħu.