Tallarmax ruħek jekk tara dawn l-affarijiet ħdejn l-ajruport

Fil-jiem li ġejjin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed jagħmel sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Għalhekk, il-pubbliku qed jintalab sabiex jekk se jagħmel użu mill-ajruport, ma jallarmax ruħu jekk jara xi affarijiet mhux tas-soltu.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ mistennija ssir għada filgħodu. Dawn l-eżerċizzji ta’ taħriġ qed jiġu organizzati bil-għan li jsir ittestjar ta’ xeni ta’ emerġenza. Dawn iwasslu sabiex il-ħaddiema jkunu aktar preparati filwaqt li jiġi assigurat li l-apparat tagħhom jaħdem kif suppost.

Il-pubbliku li se jkun lejn l-ajruport se jara numru ta’ vetturi ta’ emerġenza, inkluż fire engines, jinstaqu mal-periferija tal-ajruport. Għaldaqstant il-pubbliku m’għandux jallarma ruħu.

L-ajruport irringrazzja lill-pubbliku tal-kooperazzjoni u sostna li dan it-taħriġ bl-ebda mod mhu se jaffettwa t-titjiriet tagħhom.