Los Angeles: Taljana tmut waqt qamar il-għasel wara li ttajret minn karozza

Taljana ta’ 32 sena nqatlet u ħdax oħra ndarbu hekk kif karozza saqet b’veloċità eċċessiva fuq promenade ta’ bajja f’Los Angeles.

Hu rrappurtat li t-Taljana Alice Gruppioni li kienet fl-Istati Uniti għal qamar il-għasel mietet wara li ttieħdet l-isptar għall-kura minħabba l-ġrieħi li sofriet meta ntlaqtet mix-xufier li saq fid-direzzjoni tagħha s-Sibt filgħaxija. Ir-raġel tal-vittma kien ħdejn martu fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.

Ix-xufier ta’ 38 sena qed jinżamm fil-kustodja tal-pulizija wara li kien hu stess li radd ruħu lill-Pulizija wara dan l-inċident li fih baqa’ sejjer.

Hu rrappurtat ukoll li wieħed mill-ħdax l-oħra li ndarbu jinsab f’kundizzjoni kritika filwaqt li tnejn oħra ġarbu grieħi gravi. Fost it-tmienja l-oħra involuti fl-inċident hemm anke tifel ta’ erba’ snin.