Taljana tallega li mhix titħalla tistudja l-Università minħabba diskriminazzjoni

Studenta Taljana ressqet ilment lill-Kummissarju għall-Edukazzjoni li ma ġietx aċċettata biex tistudja l-Università ta’ Malta minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità, peress li l-kwalifiki Ingliżi huma rikonoxxuti u dawk Taljani mhumiex.

Dan ħareġ minn rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman li ġie ppreżentat fil-Parlament f’April.

L-ilment tressaq fil-5 ta’ Lulju tal-2019 minn Taljana li lmentat li l-applikazzjoni tagħha sabiex issegwi kors ta’ Baċellerat fix-Xjenza fl-Università ta’ Malta ġiet miċħuda għaliex il-kwalifiki miksuba l-Italja ma kinux biżżejjed biex hi setgħet tkun eliġibbli. Hi skopriet illi filwaqt li l-kwalifiki Taljani ma kinux rikonoxxuti, dawk Ingliżi kienu rikonoxxuti u għaldaqstant ħasset li dan kien trattament diskriminatorju abbażi tan-nazzjonalità.

L-edukazzjoni tat-Taljana

It-Taljana kellha Diploma di Stato, u ma setgħetx tifhem ir-raġuni għaliex din il-kwalifika kienet biżżejjed biex tiġi aċċettata għall-kors li jwassal għal Diploma, iżda ma kinitx biżżejjed biex tiġi aċċettata li ssegwi l-Baċellerat fix-Xjenza.

Il-kwalifika tagħha kienet tikkonsisti f’ċertifikat uffiċjali maħruġ mill-Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca tar-Repubblika tal-Italja, rekwiżit mitlub mill-universitajiet Taljani biex wieħed isegwi wieħed mill-korsijiet li joffru. Iċ-ċertifikat tagħha kien jiddikjara illi hi kienet kisbet marka globali ta’ 60/100 għall-eżamijiet tas-suġġetti li studjat u dan kien maħruġ fl-2017. Il-matematika u l-fiżika kienu fost is-suġġetti tal-istudji tagħha. Bil-marka li kisbet kienet eliġibbli li tidħol f’waħda mill-universitajiet Taljani.

Kif tvarja s-sistema Taljana minn dik Maltija?

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni skopra li s-sistema Taljana hija differenti minn dik Maltija jew Ingliża, għaliex filwaqt li l-istudenti Maltin jistudjaw sitt suġġetti fil-livell postsekondarju, tnejn fil-Livell Avvanzat u l-kumplament fil-Livell Intermedjarju, l-istudenti Taljani jistudjaw 11-il suġġett kollha fl-istess livell, f’livell ekwivalenti għal-Livell Intermedjarju Malti.

Ħareġ mill-investigazzjoni li s-sistema Maltija titlob li student jikseb Ċertifikat tal-Matrikola biex jidħol l-Università, jiġifieri li jgħaddi mis-sitt suġġetti f’oqsma varji, li jridu jikkonsistu f’lingwa, suġġett fl-umanitajiet, bħall-filosofija jew is-soċjoloġija, jew fin-negozju, suġġett fil-matematika jew fix-xjenza u żewġ suġġetti oħra tal-għażla tal-istudenti. Is-sitt suġġett huwa dak tas-Systems of Knowledge li huwa obbligatorju għad-dħul fl-Università f’Malta. Apparti dan, is-suġġetti li minnhom tista’ ssir l-għażla huma mqassma f’erba’ gruppi, u l-istudenti għandhom jagħżlu suġġett minn kull kategorija mill-ewwel tliet gruppi u mbagħad żewġ suġġetti minn kwalunkwe kategorija minn fost l-erba’ gruppi.

Fir-rapport ġie spjegat li t-tagħlim tas-suġġetti fil-Livell Avvanzat jammonta għal sitt sigħat fil-ġimgħa, filwaqt li fis-suġġetti fil-Livell Intermedjarju, it-tagħlim ikun ta’ sagħtejn fil-ġimgħa. B’kuntrast ta’ dan, is-sistema Taljana tħejji lill-istudenti tagħha li jistudjaw 11-il suġġett fl-istess livell. Għaldaqstant, in-numru ta’ sigħat dedikat għal kull suġġett huwa ħafna inqas minn sitt sigħat.

Id-deċiżjoni tal-Kummissarju

B’hekk, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni sab li d-Diploma maħruġa mill-Ministeru Taljan turi spettru wiesa’ ta’ suġġetti iżda ebda suġġett ma jiġi studjat fil-profond, u għalhekk, id-Diploma di Esame di Stato, li kienet kisbet it-Taljana li għamlet l-ilment, ma tistax tiġi ipparagunata mal-GCSEs Ingliżi, li huma ekwivalenti għall-eżamijiet tal-MATSEC.

Barra minn hekk, l-Università ta’ Malta ma taċċettax li jkun hemm aktar suġġetti f’Livell Intermedjarju biex jikkumpensaw għas-suġġetti studjati fil-Livell Avvanzat. Id-Diploma di Stato Taljana hija meqjusa fil-Livell 4 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u dan ifisser illi filwaqt li d-Diploma di Stato titqies li hija ċertifikat fil-Livell Avvanzat, ebda wieħed mis-suġġetti individwali ma jilħqu l-istandard ta’ Livell Avvanzat.

Fl-opinjoni finali tiegħu, il-Kummissarju spjega lit-Taljana li r-rifjut tal-Università kien ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet tekniċi, u mhux minħabba xi forma ta’ sentiment kontra n-nazzjonalità Taljana kif ġie allegat minnha. Għalhekk il-Kummissarju ma setax jimxi fuq it-talba tagħha.