Taljan li ġie f’Malta jfittex xogħol jispiċċa jiġġieled f’bar

Taljan li kien involut fi ġlieda fil-Fgura ma’ Taljan ieħor, ingħata l-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €500 u garanzija fuq terza persuna ta’ €5,000.
Il-ġlieda nqalgħet quddiem bar fil-Fgura, fejn it-Taljan l-ieħor indarab f’għajnejh.
Il-Qorti semgħet kif it-Taljan Fulvio Ripoli mwieled Ruma, ġie Malta biex ifittex impjieg iżda sab ruħu fil-Qorti. Huwa għandu 29 sena u huwa residenti l-Fgura.
Ġie akkużat li b’mod involontarju weġġa’ serjament raġel ieħor u li kiser il-paċi pubblika.
L-avukat li kien qed jiddefendih talab lill-Qorti takkwista l-filmati minn CCTV cameras biex isir magħruf aħjar kif inqalgħet il-ġlieda. Staqsa wkoll kif ma ttieħdux passi kontra t-Taljan l-ieħor involut fil-ġlieda li darab lill-istess akkużat.
Din kienet l-ewwel darba li Rispoli spiċċa fil-Qorti.