Taljan jixhed fil-Qorti dwar il-każ ta’ stupru ta’ oħtu

Abdiraman Abukar u Liban Mohamud, it-tnejn għandhom 26 sena, jinsabu mixlija li fl-24 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet stupraw mara Taljana ta’ 21 sena.
Ħu l-vittma, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, xehed li kien jinsab ma’ tliet persuni oħra, fosthom it-tfajla tiegħu.
Huma kienu se jmorru d-dar meta t-tfajla bdiet tirremetti u x-xufier tat-taxi waqqafhom il-Floriana.
Qal li kienu qed jieħu ħsieb lit-tfajla meta oħtu telqet tiġri biex tilħaq it-taxi għaliex kienet ħalliet it-tablet fil-vettura.
Sostna li ftit tal-ħin wara rċieva telefonata mingħandha li kienet qegħda ma grupp ta’ persuni oħra meta t-telefonata inqatgħet ħesrem.
Enfasizza li ma nstematx fil-periklu u għalhekk ma reġax ċempel lura, qal iżda li kieku kienet tinstema’ f’xi diffikultà kien jaġixxi mod ieħor.
Fil-Qorti nstema' kif traċċi tad-DNA u sperma taż-żewġ akkużati kienu nstabu fuq il-ħwejjeġ u taħt id-dwiefer tal-vittma.
Abukar u Mohamud jinsabu taħt arrest preventiv.