Taljan involut f’inċident bil-mutur iweġġa’ serjament

Miguela Xuereb

Taljan ta’ 51 sena residenti l-Munxar, Għawdex, kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta ta’ dalgħodu fi Triq ix-Xlendi, il-Munxar.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li t-Taljan kien qiegħed isuq mutur tat-tip Ducati meta tilef il-kontroll u waqa’.

Il-mutur u x-xufier baqaw jitkaxkru għal diversi metri sakemm ħabtu ma’ vettura ta-tip Toyota li kienet tinsab ipparkjata.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Magistrat tal-Għassa Dr Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.