​Taljan gravi wara li għaddiet karozza minn fuqu fil-Marsa

Taljan ta’ 50 sena sofra ġrieħi gravi meta l-ewwel intlaqat minn karozza fil-Marsa li ftit wara baqgħet għaddejja minn fuqu wara li vettura oħra daħlet fl-ewwel karozza.
L-inċident seħħ fi Triq Aldo Moro fil-Marsa ftit qabel id-9pm tal-lbieraħ.
Il-Pulizija qalet li l-ewwel karozza li laqtet lit-Taljan kienet misjuqa minn raġel ta’ 42 sena minn Ħal Għaxaq. It-tieni vettura, li baqgħet dieħla fl-ewwel waħda u li mbuttat il-karozza fuq ir-raġel, kienet qed tinstaq minn Żejtuni ta’ 38 sena.
It-Taljan huwa residenti San Ġwann. Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jaqtgħu il-karozza biex joħorġuh, u wara ttieħed l-isptar b’ambulanza.
Infetħet ukoll inkjesta maġisterjali.
Ritratt: Arkivji