“Talbuhom kutra u mħadda; jhedduhom li se jkeċċuhom”

Sidien partikolari tal-kera qed jittrattaw “ta’ bżieq”, kif stqarret semmiegħa ta’ RTK, lil min ikun qed jikri post mingħandhom.
Fit-testimonjanza tagħha waqt il-programm Follow Up, is-semmiegħa semmiet kif fost l-oħrajn uħud ġew mhedda li se jitkeċċew, meta talbu kutra u mħadda żejda. Każ ieħor li semmiet kien li jibagħtulhom il-mara tagħmlilhom xenata quddiem kulħadd.
Waqt il-programm, li kien qed jitratta l-kera, din is-semmiegħa rrakkuntat kif dawn il-persuni li sofrew din l-imġiba mingħand sid il-kera huma qraba tagħha, u ma jistgħux jagħmlu mod ieħor ħlief li jikru flimkien sabiex iħallsu l-kera kollha.
Bħala eksimpjegata ma’ aġenzija li tikri u tbigħ il-postijiet, is-semmiegħa qalet li hi tħoss li l-Maltin ma jikrux flimkien għax għandhom id-dinjità tagħhom, filwaqt li rrimarkat li mill-esperjenza tagħha l-barranin jikru fi gruppi kbar għax jew ikunu se jdumu ftit Malta, jew ma jkollhomx wisq x’jitilfu.
Esprimiet l-idea li jintbagħtu nies pajżana fil-postijiet mikrija sabiex jiċċekkjaw il-kundizzjoni tal-post u l-kirja għalih, bl-istess mod kif kien isir fil-lukandi.