Talba lill-MPs: “Tal-funerali kienu jafu qabli li miet missieri”

Talba lill-Membri Parlamentari kollha minn raġel li meta miet missieru f’Novembru tal-2017, l-aħbar kienet se tasallu mill-kummissjonanti li kienu wara l-bieb ta’ daru iżda twaqqfu minn ħabib tiegħu.
Ir-raġel saħaq li jrid li titqajjem kuxjenza dwar il-prattiċi etiċi tal-kummissjonanti tal-funerali li skontu “jdejqu u jiffastidjaw lill-qraba tal-mejjet f’mument sensittiv u vulnerabbli”.
Huwa nsista wkoll li l-każ tiegħu, juri li xi ħadd mill-Isptar Mater Dei qed iqassam din it-tip ta’ informazzjoni sensittiva u għaldaqstant jgħid li qed jikser b’mod gravi l-protezzjoni tal-informazzjoni dwar persuni privati.
Ir-raġel irrimarka li din mhix l-ewwel darba li seħħ każ bħal dan u nsista li dawn it-tip ta’ prattiċi ilhom isiru snin twal. Huwa qal li minkejja li l-kummissjonanti għandhom saħħa kbira fis-settur, hemm bżonn li jintbagħat messaġġ ċar li din it-tip ta’ mġiba hija kundannabbli.
Insista li wasal iż-żmien li tidħol klawsola fil-liġi kriminali, li tagħmel illegali kull kuntatt min-naħa tal-kummissjonanti jew persuni oħra li jikkuntattjaw qraba tal-mejjet sabiex joffru servizz. Huwa kompla jgħid li l-qraba għandhom jitħallew huma stess jikkuntattjaw lill-kummissjonanti bħala konsumaturi.
Ir-raġel tenna li s-settur innifsu għandu bżonn bidla radikali fil-mentalità, valuri, attitudni, etika u prattiċi li jibdew mill-mewt sad-difna. Żied jgħid li hemm bżonn ta’ kodiċi ta’ etika u prattika li tiġi mħarsa minn bord magħmul speċifikament għaliha. Għaldaqstant saħaq li jekk dan it-tip ta’ bord diġà jeżisti, hemm bżonn li l-pubbliku jkun aktar infurmat dwaru.
Adrian Delia jgħid li ħa jintriga lill-MPs tiegħu biex jindagaw
F’risposta għall-imejl li kienet mibgħuta lill-MPs kollha u lill-midja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wieġeb li ħa jintriga lill-MPs fl-Oppożizzjoni biex jagħmlu mistoqsijiet relattivi biex jaraw x’qed jiġri. Offra wkoll li jiltaqa’ mar-raġel biex jiddiskuti s-sitwazzjoni f’aktar dettall. Qal li l-informazzjoni li ta r-raġel ixxukkjatu.
Anke f’San Vincenz de Paul…
Ma’ Newsbook.com.mt, familja rrakkuntat kif anke f’San Vinċenz de Paul, twaqqfu minn kummissjonant tal-funerali, fil-jum li lill-missier għamlulu l-Griżma tal-Morda u li miet ġimgħa wara.
Arresti
Skont rapporti fil-midja lokali, illum saru arresti ta’ kummissjonant tal-funerali u impjegat ta’ kuntrattur f’Mater Dei.