Talba internazzjonali oħra biex l-investigazzjoni ma tkunx “superfiċjali”

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ) talbet li l-investigazzjonin dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma tkunx bis waħda deskritta “superfiċjali”, iżda tfannad kemm tiflaħ f’dak li kienet qed tinvestiga l-ġurnalista qabel mietet.
B’superfiċjali l-IFJ kienu qed jifhmu li l-investigazzjonijiet ma jiffukawx biss fuq tiftix u evidenza forensika, iżda jkopru wkoll dak li l-ġurnalista kienet indagat f’ħajjitha, sabiex jikber iċ-ċans li jinstab min bagħat lill-qattiela.
F’din it-talba l-federazzjoni tingħaqad mar-Reporters Without Borders, li lbiraħtlula kkwotat lill-familja Galizia u sostniet li jkun hemm imparzjalità fl-investigazzjonijiet.
Dan wara li l-familja qanqlet diversi preokkupazzjonijiet dwar kif qed issir l-investigazzjoni.
Fost l-oħrajn qanqlet dubju dwar min iffirma l-mandati ta’ arrest tat-tlitt akkużati ewlenin, għalkemm il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija jaċċerta li kien il-Maġistrat Inkwirenti, Anthony Vella, li ffirmahom.
Tkellmet ukoll dwar il-fatt li l-Pulizija, skont il-familja, twieġeb lill-Prim Ministru minflok lill-familja dwar informazzjoni ġdida.
L-IFJ isemmi wkoll it-tħassib tal-familja dwar l-imparzjalità tal-investigazzjoni, minħabba li uffiċjali għolja fl-investigazzjoni għandhom rabta ma’ ministri tal-Gvern.
Hawnhekk aktarx il-familja qed tirreferi għall-Viċi-Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, li hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana.
Madankollu l-IFJ temm jilqa’ l-arresti li saru nhar it-Tnejn u l-akkużi.