Talba għal inkjesta f’Scicluna, Cardona, u Mizzi dwar il-VGH

L-għaqda non-governattiva Repubblika qalet li talbet lill-Qorti biex tiftaħ inkjesta fil-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona, u Konrad Mizzi għall-involviment tagħhom “fl-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Karin Grech, San Luqa, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex” meta dawn ingħataw lill-privat.

Fi stqarrija Repubblika qalet li fir-rikors tagħha wriet kif il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti t’ażjenda privata biex imexxu l-isptarijiet pubbliċi Maltin.

Skont l-għaqda, il-kumpanija li ngħatat din il-kariga ma kellha ebda esperjenza fil-qasam mediku u “ffangat b’miljuni ta’ Ewro minn fondi pubbliċi li ħadd ma jaf x’sar minnhom.” Intqal li l-aġir ta’ dawn it-tliet Ministri jagħti lok għal suspett li f’dan il-każ seħħew il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, fost delitti oħra mniżżla fir-rikors.

“Repubblika talbet li tinfetaħ inkjesta biex jinġabru u jinżammu l-provi dwar dawn id-delitti serji fl-assenza ta’ investigazzjoni mill-awtorità kompetenti li tinvestiga reati suspettati f’Malta: ċioè l-Pulizija.”

Repubblika  qalet li “f’rikors dettaljat ta’ 153 faċċata, elenkat il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar kif il-gvern ftiehem fis-sigriet ma’ soċjetà bla ebda esperjenza imkien fid-dinja fit-tmexxija tal-isptarijiet biex taha tlett sptarijiet pubbliċi għal 99 sena f’kuntratt b’valur ta’ €7 biljuni. Dan il-ftehim klandestin sar qabel il-proċess fażull t’offerti pubbliċi.”

X’sar ħażin?

Skont Repubblika, meta VGH falliet mill-obbligi tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kuntratt li kellha mal-gvern, il-gvern Malti ta konċessjonijiet sproporzjonati, ta’ żvantaġġ u spiża kbira għall-erarju pubbliku, u inġusti ma’ kompetituri possibbli li setgħu offrew jew riedu joffru dan is-servizz.

“Wara spiża li hi stmata bejn 50 u 100 miljun ewro, VGH tħallew jitrasferixxu l-isptarijiet lil ħaddieħor mingħajr ebda benefiċċju pubbliku iżda preżumibilment bi qliegħ konsiderevoli għalihom, u dan bi ksur sfaċċat tal-kuntratt pubbliku li l-Gvern kien ippreżenta fil-Parlament.”

Intant hu suspettat ukoll li Ivan Vassallo, propjetarju tas-soċjetà Technoline, ibbenefika mill-privatizzazzjoni korrotta tal-isptarijiet b’kuntratti żvantaġġjużi għar-riżorsi pubbliċi bejn l-isptarijiet u l-kumpanija tiegħu li tforni provvisti mediċi. Repubblika talbet li l-inkjesta maġisterjali tiġbor il-provi dwar din il-materja wkoll.

Fi kliem l-għaqda, il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar l-“iskandlu tal-isptarijiet” saru magħrufa bil-ħidma ġurnalistika ta’ Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet, minn The Shift News, Lovin Malta, u Times of Malta fost oħrajn. Skont l-għaqda, minkejja ħidma estensiva ġurnalistika, l-istituzzjonijiet m’għamlux xogħolhom u ma ħadux azzjoni fuq suspetti serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Ir-rikors kien iffirmat mill-avukat Jason Azzopardi.

​Il-bejgħ tal-isptarijiet Maltin: scam jew akkwist?

L-aħbar li Stwerad xtara lill-VGH kienet ġiet żvelata mill-midja fl-20 ta’ Diċembru tal-2017, u aktar tard kien ikkonfermaha l-Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li kien qal lil Newsbook.com.mt li t-taħditiet il-VGH u Steward kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, qabel ma ġie ffirmat il-ftehim. Ix-xiri tal-VGH minn Steward seħħ billi tal-aħħar xtara l-maġġoranza tal-ishma fil-VGH, u l-minoranza tagħhom żammha Ashok Rattehalli, li kien investitur fil-VGH. Dan l-istess Rattehalli kien mar darbtejn m’mandat ta’ inibizzjoni l-Qorti, għax ma kienx ingħata garanzija li l-ishma tiegħu mhux se jiġux affettwati bit-trasferiment. Madankollu aktar tard kien irtirahom.

F’Jannar tal-2018 il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ma weġibx dwar x’kienet ir-raġuni li wasslet lill-Vitals Global Healthcare biex ibigħ il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet Maltin lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care.

Ma ħallasniex ċenteżmu żejjed għall-VGH – Il-Gvern

Il-Gvern qal li ma tħallsux flus żejda lill-kumpanija VGH. Fi stqarrija b’risposta għal dak li ġie rrappurtat fil-gazzetta Times of Malta, il-Gvern sostna li l-ħlasijiet li saru kienu “skont il-kuntratt”. Id-Dipartiment tas-Saħħa ppreċiża li l-flus imħallsa mill-Gvern lill-kumpanija Vitals Global Healthcare matul is-snin 2016 u 2017 huma skont it-termini maqbula fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u VGH. Ir-rapport fil-gazzetta Times of Malta jindika li l-Gvern irdoppja l-ħlasijiet lill-VGH minn €16.5 miljun li kienu diġa tħallsu matul l-2017 għal €18 miljun żejda li ġew approvati fil-Parlament fit-18 ta’ Diċembru, jiem biss qabel tħabbar il-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare lil Steward Healtcare.

Il-Gvern baqa’ jħallas €1.8 miljun fis-sena għat-tagħmir tal-3 sptarijiet minkejja li dawn għaddew lill-Vitals Global Healthcare. Dan ħareġ mix-xhieda li ta l-editur tal-gazzetta Illum, Albert Gauci Cunnigham, waqt il-kawża miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-konfront tal-Gvern. Delia fetaħ kawża biex il-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH jiġi ddikjarat null. Huwa preżenta affidavit fil-Qorti filwaqt li f’seduta qasira xehed Gauci Cunnigham b’rabta ma’ 4 artikli li dehru fl-istess gazzetta f’Qorti ppreseduta mill-Imħallef Silvio Meli.