​Talba biex Tony Zarb jitneżża’ minn Ġieħ ir-Repubblika

L-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier qed jitlob għat-tneħħija ta’ Ġieħ ir-Repubblika li kien ingħata l-Eks Segretarju tal-General Workers’ Union Tony Zarb.
F’ittra li bagħat lill-President Marie-Louise Coleiro Preca, Dr Borg Olivier irrefera għal dak li ddeskriva bħala “attakk faħxi fuq grupp ta’ nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja, biex isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.
Borg Olivier qal li d-diskors imlissen minn Zarb, fost l-oħrajn “prostituti”, “qatta’ tradituri”u “ċorma assassini”, ġab stmerrija sħiħa għax jattakka b’mod aggressiv id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Saħaq li jikkostitwixxi wkoll abbuż serju fuq id-dinjità tal-mara u għandu biss l-iskop li jintimida lil kull min irid jipprotesta f’soċjetà ħielsa.
Paul Borg Olivier talab lill-President biex tneżża’ lil Tony Zarb minn Ġieħ ir-Repubblika, li ngħata f’Diċembru 2015 għall-ħidma tiegħu fosthom li jmexxi ‘l quddiem il-prinċipji ta’ attiviżmu fil-ħajja pubblika u soċjali.