Talba biex l-energy drinks ma jinbigħux lit-tfal

Il-kok popolari Ingliż Jamie Oliver qed jappella lill-Gvern Ingliż sabiex jipprojbixxi l-bejgħ ta’ xarbiet enerġetiċi lit-tfal. Fi kliemu din ix-xarba qed twassal biex it-tfal jiġu dipendenti fuqha.
Huwa akkuża wkoll lill-manifatturi tax-xorb li qed jimmiraw l-isforzi tagħhom sabiex ibigħu l-prodott lejn it-tfal, u jgħid li din il-ħaġa qed tikkawża wkoll problemi kbar fl-iskejjel madwar il-pajjiż.
Oliver, li hu stess huwa missier ta’ ħamest itfal, ilu għal dawn l-aħħar 20 sena fil-karriera tiegħu jipprova jbiddel il-mod ta’ kif jieklu n-nies, b’mod speċjali t-tfal. Il-battalji tiegħu wasslu sabiex tiżdied taxxa fuq ix-xorb kollu zokkor, kif ukoll itejjeb il-kundizzjoni tal-ikel pprovdut mill-iskejjel madwar ir-Renju Unit.
Hu spjega kif il-maġġoranza tad-ditti tax-xorb enerġetiku jkun fihom mal-160mg ta’ kaffeina għal kull 500ml. Tfal ta’ 10 snin mhux suppost jixorbu iktar minn 99mg kuljum.
Jgħid ukoll kif minkejja l-fliexken ikollhom miktub fuqhom il-frażi ‘not recommended for children’ (mhux rakkomandat għat-tfal), il-kuluri u d-disinni li jintużaw fuq il-fliexken u fir-riklami huma totalment indirizzati għat-tfal.
Inkwiet ieħor tiegħu huwa l-fatt li minħabba l-ikkunsmar tax-xorb enerġetiku qed tbati l-edukazzjoni fejn jispjega li qed issir vera diffiċli li l-għalliema jlaħħqu mat-tfal. Hekk kif issa minflok jaħsbu biss fuq l-aħjar mod kif jittrażmettu l-edukazzjoni neċessarja bl-aħjar modi possibli, iridu joqogħdu jikkunsidraw li xi tfal fil-klassi huma taħt l-influwenza ta’ xi xorb enerġetiku.