Talba min-nisa fl-Indja biex il-Qrar isir illegali

L-Isqof Awżiljarju Peter J. Byrne jagħti l-assoluzzjoni wara l-qrar

Il-Knisja Kattolika fl-Indja pprotestat bil-qawwa kontra talba mill-President tal-Kummissjoni Nazzjonali tan-Nisa Indjani, biex jitwaqqaf is-sagrament tal-Qrar.

“Din it-talba hi assurda u turi injoranza kbira dwar is-sagrament tal-Qrar”, qal il-Kardinal Oswald Gracias ta’ Mumbai li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Indja.

“It-talba turi li dawn ma jifhmux it-tifsira u anqas għandhom rispett lejn il-libertà reliġjuża” qal il-Kardinal wara li din it-talba ngħatat pubbliċità qawwija fil-midja lokali.

Rekha Sharma, ic-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali tan-Nisa qalet li “l-qassisin jagħmlu pressjoni fuq in-nisa biex jgħidu s-sigrieti tagħhom u qalet li l-Kummissjoni kellha provi ta’ każ simili. Qalet li żgur hemm ferm aktar każi ma’ dak li saru jafu bih u dak li hu magħruf s’issa hu l-quċċata tal-iceberg.  Għalhekk sejħet biex il-Knisja twaqqaf il-Qrar.

Is-sejħa saret wara li ħames qassisin tal-Knisja Ortodossa Sirjana fl-istat ta’ Kerala kienu sospiżi mill-ministeru tagħhom, fosthom tnejn li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ mara miżżewġa.

Kien allegat li qassis kellu x’jaqsam sesswalment ma’ mara wara li heddida li jikser is-sigriet tal-qrar u jgħid lil żewġha li hi kienet stqarret fil-qrar li kellha x’taqsam sesswalment ma’ saċerdot ieħor qabel ma żżewġet u li kien hemm filmat li juri dan.

It-talba tal-Kummissjoni Nazzjonali tan-Nisa “tixhed li l-Kummissjoni ma fehmet xejn min-natura, it-tifsira, is-santità u l-importanza tas-Sagrament tal-Qrar għall-insara u turi wkoll l-injoranza tal-liġijiet stretti tal-Knisja li jipprevjenu abbużi bħal dawn”, qal il-Kardinal Gracias.

“Din il-projbizzjoni tkun ksur dirett tal-libertà reliġjuża li hi garantita mill-Kostiituzzjoni Indjana.  Jien ċert li l-Gvern Indjan jinjora għal kollox din it-talba assurda” qal il-Kardinal li żied jgħid li t-talba hi antikostituzzjonali.