Talb tal-eżorċiżmu hekk kif ikomplu l-attakki fuq il-Kattoliċi fin-Nikaragwa

Nies jitolbu quddiem il-pulizija li qed jimblukkaw id-dħul għall-Knisja tal-Ħniena Divina

Hekk kif l-attakki fuq il-qassisin Kattoliċi qed ikomplu u dawk li qed jipprotestaw kontra l-Gvern qed ikunu ċirkondati mill-pulizija u s-suldati, l-Isqfijiet tan-Nikaragwa qalu li se jagħmlu talb għall-eżorċiżmu.

Ilbieraħ kien jum ta’ talb u sawm “bħala att ta’ tpattija għall-profanazzjonijiet li saru f’dawn l-aħħar xhur kontra Alla”. Għalhekk saret it-talba tal-eżorċiżmu ta’ San Mikiel Arkanġlu.

Fil-15 ta’ dan ix-xahar, il-karrozza tal-Isqof Juan Mata Guevara sfat attakkata b’tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien sejjer lejn il-belt ta’ Nindiri biex jipprova jwaqqaf attakk mill-Pulizija u l-armata.  L-Isqof ħelisha ħafif iżda t-tyres tal-karrozza infaqgħu u l-ħġieġ tal-karrozza tfarrak.

Il-ġurnata ta’ qabel, fl-Università Awtonoma tan-Nikaragwa, żewġ studenti sfaw maqtula u 15 oħra sfaw feruti wara attakk mill-Pulizija.  Uħud mill-istudenti li ħarbu mill-post, fittxew kenn fil-Knisja tal-Ħniena Divina fejn kien hemm xi feruti qed jingħataw kura. Iżda nies armati ma ħallewx ambulanzi jaslu fejn il-knisja biex jieħdu lill-feruti – uħud minnhom gravi – lejn l-isptar.

Fost dawk li nqabdu fil-knisja kien hemm ġurnalista tal-Washington Post. Il-Knisja kienet profanata u ritratti li tpoġġew fuq il-midja soċjali juru l-ħitan tal-Knisja mimlija tiri ta’ armi tan-nar.

“Qed jisparaw lejn il-knisja”, qal lill-Washington Post Fr Erick Alvarado Cole, qassis minn din il-parroċċa. “Il-Gvern jgħid li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Dan hu r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem?, staqsa s-saċerdot imbikkem għal dak li kien qed jiġri.