Talb għall-martri ta’ żmienna

Persuni li ħadu sehem fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet ta' Talb għall-Martri a' Żmienijietna

Illum id-djoċesi ta’ Ruma u l-Komunità ta’ San Egidio qed jorganizzaw talb għall-martri ta’ żmienna, fosthom għadd ta’ missjunarji, lajċi, qassisin u nsara.

Din l-inizjattiva li tħabbret bħal lum ġimgħa, biex in-nies ikunu jistgħu jippreparaw biex jipparteċipaw fiha, se tkun preseduta mill-Kardinal Angelo De Donatis li hu l-Vigarju tad-djoċesi ta’ Ruma.

Din se tkun tikkonsisti f’mixja li tibda fis-6.00 p.m. minn fejn il-Coloseum u tasal sal-Bażilika ta’ San Bartilmew fejn hemmhekk issir velja ta’ talb.  Matul il-mixja se jingħad talb apposta u l-Litanija tal-Qaddisin.

Għal kull martri li jissemma’ tinxtiegħel xema biex “tgħin ħalli d-dawl tal-Għid wieħed jaraħ ukoll fil-mument tal-mewt jew tat-tbatija”, jingħad fi stqarrija maħruġa għall-okkażjoni u publikata minn Vatican News.  Rappreżentanti tal-Ortodossi u l-Evanġelisti, flimkien ma’ żgħażagħ minn diversi kontinenti mistennija jieħdu parti f’din l-inizjattiva.

40 martri fl-2018

“Fl-2018, madwar 40 persuna li taw xhieda tal-fidi nisranija inqatlu: minn dawn, 35 kienu saċerdoti, erba’ lajċi u seminarist.  Għażilna li nibdew mill-Coloseum għax hi simbolu tal-martirju, post fejn mijiet ta’ nsara mietu u fejn mhux b’kumbinazzjoni, kull sena l-Papa jagħmel il-Via Sagra.

Min-naħa l-oħra, il-Bażilika ta’ San Bartilmew hemm fiha l-martri tas-sekli 20 u 21, identifikati mill-Papa Ġwanni Pawlu II u fdati lill-Komunita’ ta’ San Egidio”, qal Mons. Gianrico Ruzza li hu Isqof Awżiljarju u Segretarju Ġenerali tal-Vigarjat ta’ Ruma.