Talb għal Johann Ellul hu u jissielet għal ħajtu wara t-traġedja f’sit ta’ kostruzzjoni

Bosta nies irrikorrew għal Facebook sabiex jgħidu xi talba jew jappellaw lil ħaddieħor biex jitlob għal Johann Ellul, Belti ta’ 35 sena li tħalla jissielet għal ħajtu wara li ġġarraf ċint f’sit ta’ kostruzzjoni fi Sqaq l-Erwieħ f’Bormla.

L-inċident ġara l-Ħamis filgħodu, u ħasad il-ħajja ta’ Nane is Sarjo Konteh minn Nyimina Jaffaie, raġel ta’ 32 sena mill-Gambja, li kien qiegħed fis-sit fuq xogħol.

Sar appell sabiex kull min jaf għandu xi informazzjoni fuq il-qraba ta’ Sarjo jagħmel kuntatt fuq in-numru +35677688816.

Intant, il-komunità Beltija xerrdet għadd ta’ kitbiet fuq Facebook sabiex isir talb għal Johann Ellul sabiex jirkupra, peress li qed isofri minn ġrieħi serji li jafu jipperikolawlu ħajtu.

Kuragg brimba adejt min hafna zgur li ha teleb din ukoll IL bambin mieghek zgur li hemm huk jitlob alik min hdejn IL mulej kollha warajk

Posted by Tal Mackay on Thursday, July 23, 2020

Dan il-każ qajjem furur fost bosta persuni li jikkritikaw l-industrija tal-kostruzzjoni, peress li kulma jmur, din donnha li qed tpoġġi aktar ħajjiet f’periklu. F’Marzu li għadda, Miriam Pace tilfet ħajjitha meta ġġarrfet il-binja tagħha. Bintha Ivana Portelli kkummentat fuq din it-traġedja f’Bormla u qalet li din turi biċ-ċar li ma saru l-ebda bidliet u l-awtoritajiet ma ħadux xogħfa mill-mewt ta’ ommha.